Il-Partit Nazzjonalista ma jitkellimx dwar l-iktar Gvern Feminista fl-istorja iżda jaġixxi u jmexxi bl-eżempju.
Meta fetaħ konferenza dwar Jum il-Mara organizzata mill-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN), il-Kap tal-Opposizzjoni u tal-PN Simon Busuttil qal li grazzi għal tibdil fl-Istatut, l-Eżekuttiv tal-PN hu magħmul nofsu minn nisa u nofsu minn irġiel. L-istess fil-Kumitati Sezzjonali, fil-Policy Fora tal-PN kif ukoll fix-Shadow Cabinet, li minn Jannar li għadda, hu magħmul minn ħamest’ irġiel u ħames nisa.
U grazzi għall-inċentivi minn Gvernijiet Nazzjonalisti, il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol telgħet minn l-aħħar post fl-Unjoni Ewropea għall-ewwel post fil-kategorija tan-nisa ta’ 40 sena u iżgħar.
Bil-kuntrarju, għal min wiegħed li jkun l-iktar Gvern Feminista fl-istorja, il-ħatriet ta’ nisa f’bordijiet pubbliċi naqqashom bin-nofs, minn 30% għal 15%. Mistoqsijiet Parlamentari dwar il-parteċipazzjoni feminili f’karigi fejn jittieħdu deċiżjonijiet mhux biss ma jkunux imwieġba iżda l-Ministri tal-Gvern jipprovaw jirredikolaw lil min jistaqsihom.
Simon Busuttil kompla li l-Gvern wiegħed ukoll li jattakka l-faqar, iżda minflok, in-numru ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar tela’ minn 88,000 għal 100,000. Hu sostna li l-iktar li huma affetwati huma n-nisa, fosthom single mothers, nisa separati, nisa li jgħixu waħedhom jew li jieħdu ħsieb familji kbar jew persuni b’diżabilita’.
Il-Kap tal-PN qal li b’differenza ta’ festi oħrajn bħal Jum l-Omm jew Jum San Valentinu, Jum il-Mara għandha tkun festa intrinsikament politika, li fiha jkun iċċelebrat is-saħħa tal-mara fis-soċjeta’.
Hu qal li involviment ikbar tan-nisa fis-soċjeta’ mhux biss hu ta’ benefiċċju għall-mara iżda wkoll għas-soċjeta’ kollha.