Il-Union tal-Ħaddiema fil-Banek, l-MUBE qalet li l-management tal-Bank HSBC qed ikaxkar saqajh apposta dwar il-ftehim kollettiv tal-ħaddiema.
F’ċirkolari lill-ħaddiema membri fl-HSBC, l-MUBE qalet li l-fatt li għadu ma ntlaħaqx ftehim hu kollu tort tal-management tal-bank HSBC li baqa’ intransiġenti u apposta ma ressaqx kontroproposti raġjonevoli sabiex l-affarijiet ikomplu jkarkru.
L-MUBE qalet li din kienet l-intenzjoni aħħarija tal-management wara d-deċiżjoni li jirtira mill-ftehim milħuq f’Awwissu li għadda.
Jidher ċar li l-Kap Eżekuttiv tal-HSBC f’Malta ma jridx jaċċetta numru ta’ proposti fosthom ir-rati tal-imgħax għall-home loans tal-ħaddiema, li jitkomplew in-negozjati dwar iż-żidiet fil-pagi, li jiżdiedu l-pagi minimi u roħs fir-rata tal-imgħax fuq is-self maxi-credit.
L-MUBE qalet li l-bank għandu joqgħod attent u jassigura li ma jitlifx ħaddiema leali fl-ossessjoni tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż u jżid il-profitabilita’.
Dan minbarra li l-ingaġġ tal-barranin qed ikollu effett fuq il-ħidma lokali bil-konsegwenza li l-istaff qed jispiċċaw demoralizzati.
L-MUBE ma eskludietx li tordna azzjonijiet industrijali jekk l-attitudni intransiġenti tal-management tibqa’ tippersisti.
//= $special ?>