Lokali Saħħa

L-MUMN lesta żżid id-direttivi fl-isptar minħabba n-nuqqas ta’ “carers”

Il-unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qed twissi lill-membri tagħha biex jibqgħu jżommu mad-direttivi li tat, biex ma jagħmlux xogħol ta’ “portering” u xogħol ieħor li suppost jagħmluh il-carers. Dan għaliex it-tmexxija tal-Isptar Mater Dei qed tibqa’ “tagħtiha l-iskużi, li ma jinteressawhiex” għaliex mhix timpjega iktar carers u jekk is-sitwazzjoni se tibqa’ l-istess sax-xahar id-dieħel, l-MUMN se żżid id-direttivi.

L-MUMN qalet li waqt li l-infermiera qed jagħmlu xogħol tajjeb ħafna mal-pazjenti, id-Diviżjoni tas-Saħħa mhix tagħtihom l-appoġġ meħtieġ u hi iktar interessata mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u mir-regolamenti ta’ tenders milli l-ħtiġijiet tal-pazjenti u t-titjib tas-servizz tas-saħħa.

L-MUMN insistiet li fl-isptar mhux qed ikun hemm ħaddiema li jieħdu post il-carers bil-leave u r-“relieve pool” tal-infermiera għal bil-lejl qed jispiċċaw jaħdmu fil-kurituri tal-isptar bil-konsegwenza li m’għadx fadal infermiera “relieve” fis-swali.

Il-unjin saħqet li l-fatt li infermiera qed jitneħħew mis-swali mhux aċċettabbli għaliha għax ebda infermier m’għandu jitħalla waħdu biex jieħu ħsieb il-pazjenti speċjalment bil-lejl.

Fl-istess ħin, appellat lill-infermiera u l-qwiebel li jieħdu ħsieb is-swali biex kollha kemm huma jagħmlu sforz biex isibu t-tielet persuna għal bil-lejl għaliex “hu hekk biss li s-sala tiġi salvata meta jkun hemm ħaddiema morda”.