Qorti

Multa ta’ €3,000 fuq pussess ta’ raża tal-kannabis

Żagħżugħ ta’ 24 sena minn Baħar iċ-Ċagħaq ġie mmultat €3,000 wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li fid-19 ta’ Jannar 2014 inqabad li kellu fil-pussess tiegħu raża meħuda mill-pjanta kannabis meta kien Ta’ Qali. Mill-provi rriżulta li Roderick Grech kellu problema tat-teħid tad-droga u li kull darba li sarulu testijiet, dejjem irriżulta pożittiv.

Grech instab ħati wkoll li meta nqabad mill-Pulizija, tahom dettalji foloz, saq mingħajr liċenzja, mingħajr polza tal-assikurazzjoni u mingħajr pjanċi tal-karozza li kien qed isuq. Hu ma nstabx ħati li l-istess karozza ma kinitx irreġistrata ma’ Transport Malta. Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Sarah Magri, waqqgħet ukoll l-akkuża tar-reċidiva.

Minbarra l-ammissjoni bikrija ta’ Grech, il-Qorti kkunsidrat ukoll ix-xhieda ta’ Uffiċjal tal-Probation Marilyn Formosa, li qalet li kienet ilha ssegwi lil Grech mill-aħħar ta’ Awwissu 2013. L-attendenza tiegħu għall-appuntamenti magħha ma kinitx waħda konsistenti, anke jekk attenda għal xi wħud. Formosa qalet ukoll li hu qed ifittex xogħol u kkonfermat li se tkompli ssegwi lill-imputat sal-2018.

Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li fil-kondotta tiegħu jirriżulta li nstab ħati ta’ serq aggravat u ħsara volontarja, fejn kien ingħata libertà bil-kundizzjoni u kien ħati għal reat simili fejn kien ingħata sentenza sospiża. Il-Maġistrat Galea Sciberras qalet madankollu li, fil-fehma tagħha, piena ta’ ħabs ma tkunx waħda ta’ ġid fiċ-ċirkostanzi, iżda piena ta’ multa għandha sservi aħjar lill-ħati.