Żewġ Slovakki żgħażagħ ġew ikkundannati sitt xhur ħabs u mmultati €720 kull wieħed wara li nstabu ħatja mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li fis-Sajf li għadda kkultivaw tliet pjanti tal-kannabis. Id-droga kienet instabet fuq il-bejt tal-appartament li kienu jgħixu fih fil-Mellieħa.
Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li, mix-xhieda, irriżulta li fil-lejl ta’ bejn it-2 u 3 ta’ Lulju, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga sabu tliet pjanti fuq bejt komuni fi blokka ta’ appartamenti. It-tfittxija saret f’appartament numru 2 fi Triq l-Iżbark tal-Franċiżi minħabba li dan kien jidher li kien l-uniku wieħed li fih kienu jgħixu nies dak il-ħin.
Fl-appartament, kien hemm tliet ġuvintur u żewġ tfajliet. Fih instabu xi affarijiet relatati mal-użu tal-kannabis u fertilizzant tal-pjanti. David Strba, ta’ 19-il sena, u Zdenko Klein, ta’ 23 sena, flimkien ma’ Mario Bona, kienu ġew arrestati.
Aktar tard, kien mar fl-appartament ukoll dak li kien ir-raba’ inkwilin tal-appartament, Martin Cabejsek, li fil-bidu tat-tfittxija kien jinsab fil-post tax-xogħol. Anke dan kien ġie arrestat mal-oħrajn, iżda mill-ewwel irriżulta li t-tfajliet ma kellhomx x’jaqsmu mal-każ.
Mix-xhieda tal-espert, ix-Xjenzat Godwin Sammut, irriżulta li fuq il-weraq tat-tliet pjanti nstabu trichomes tal-weraq tal-pjanta kannabis, fejn instabet is-sustanza Tetrahydroccannabino. Il-piż tal-weraq mingħajr għeruq u zkuk kien ta’ 16.6g u l-purità ta’ madwar 3%.
Fil-Qorti, is-Surġent Stephen Micallef qal li għall-ewwel is-Slovakki qalu li ma kienux jafu bil-pjanti, iżda waqt li kienu qed jiċċekjaw ir-ritratti fil-mobiles tal-persuni preżenti, instabu ritratti tal-istess pjanti fil-gallerija tal-appartament.
Is-Surġent Micallef qal li meta ġew iffaċċjati b’dawn ir-ritratti, is-Slovakki ammettew li kienu jieħdu ħsiebhom huma, li kienu jsaqquhom u jagħtuhom is-sustanzi. Qalu li l-pjanti kienu sabuhom fl-appartament u li kienu ta’ ħabib tagħhom, filwaqt li huma kienu jikkultivawhom biss. Qal li Mario Bona dejjem ċaħad l-involviment tiegħu u dan, bħal Cabejsek, irriżulta li ma kellux x’jaqsam ma’ dawn il-pjanti.
Strba kien ammetta li jpejjep il-marijuna u li kien ilu għaddej fuqha xi sena, kif ukoll li l-aħħar li pejjipha kien ġimgħa qabel ma nqabad. Klein qal li hu kien pejjipha l-aħħar fir-Repubblika Ċeka, xi erba’ ġimgħat qabel, iżda Malta qatt ma pejjipha. Sadanittant, meta nqala’ dan kollo, Mario Bona ma kienx Malta.
Il-Qorti qalet li ma kienx hemm dubju li kienu s-Slovakki li kienu qed jikkultivawha u mill-provi ħareġ li mingħajr dubju huma ħatja. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Pierre Grech.
//= $special ?>