Żagħżugħ, li qed jistudja x-xjenza medika, ingħata sentenza sospiża u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sena wara li ammetta li farrak karozza tal-kiri meta baqa’ dieħel fi propjetà privata fil-Gżira, u li anke ħarab mix-xena tal-inċident minflok irrapporta l-każ.
Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli irriżulta li fit-22 ta’ Frar li għadda l-istudent kien qed isuq karozza Peugeot 208 tal-kiri fejn kien sejjer id-dar fil-Gżira stess għall-ħabta tas-7.00am meta baqa’ dieħel f’ħajt fl-inħawi ta’ fejn joqgħod fi Triq Nazju Ellul. Hu ma sofriex ġrieħi fl-inċident.
Mill-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija, fil-karozza tiegħu instabet fotokopja tal-passaport tiegħu. Il-Pulizija waslet għall-appartament ta’ fejn kien joqgħod u ftit wara sabuh rieqed. Sabet ukoll traċċa ta’ reżina tal-kannabis.
Iż-żagħżugħ ammetta wkoll li saq il-karozza mingħajr polza tas-sigurtà. Iżda l-Avukati tiegħu, David Camilleri u Joseph Gatt, qalu li hija r-responsabbilità tal-kumpanija tal-karozza mikrija li kellha tiżgura li l-persuna li tikri l-karozza għandha tkun koperta.
Fil-Qorti, id-Difiża qalet ukoll li l-klijent tagħhom kien Paceville, qala’ xeba’ u xi ħadd seraqlu l-kartiera u anke l-mobile. Kien għalhekk li kien aġitat ħafna u baqa’ dieħel f’ħajt. Kien ukoll aġitat meta telaq minn fuq il-post.
Il-Maġistrat Demicoli ikkundannat liż-żagħżugħ għal tmien xhur ħabs, sospiżi għal 18-il xahar, u ordnat is-sospenzjoni tal-liċenzja għal sena. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jason Francis Sultana.
//= $special ?>