Anzjana mhux f’sikkitha xorta kienet trasferita lejn San Vincenz de Paul
Ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici talbet lill-Gvern jispjega għaliex it-trasferiment ta’ pazjenti anzjani mill-Isptar Mater Dei għar-residenza San Vincenz de Paul (SVDP) qed isir fil-weekend. Talbet ukoll lill-Gvern jispjega għaliex mhux se jagħmel inkjesta fuq anzjani li mietu fir-residenza ftit wara li kienu trasferiti minn Mater Dei.
Paula Mifsud Bonnici fissret fil-Parlament, li dawn huma sitwazzjonijet krudili u staqsiet lill-Gvern jispjega min qed jieħu r-responsabbiltà ta’ dawn it-trasferimenti.
Esprimiet id-diżapprovazzjoni tagħha għal mod kif il-Ministru responsabbli mill-anzjani, Michael Farrugia, wieġeb meta l-Oppożizzjoni appellat għal inkjesta dwar il-mewt ta’ anzjani f’SVDP ftit wara li kienu trasferiti minn Mater Dei. Il-Ministru Farrugia kien wieġeb li hu m’għandux id-don li jkun jaf meta jmutu l-pazjenti.
Paula Mifsud Bonnici fissret li anzjana li ma kinitx f’sikkitha, kienet xorta trasferita lejn San Vincenz de Paul u staqsiet min kien responsabbli għal dan u jekk il-Gvern jafx xi tfisser il-kelma dinjità.
Fissret ukoll li anke jekk qraba jinsistu li l-persuna anzjana tkun trasferita, ir-responsabbiltà xorta tibqa’ ta’ min japprova t-trasferiment f’kundizzjoni li l-persuna ma tkunx tiflaħ għaliha.
Staqsiet lill-Gvern jekk jafx xi tfisser il-kelma dinjità u rispett, u biex jirrispondi għad-domandi tal-Oppożizjoni u jaġixxi għal din is-sitwazzjoni.
//= $special ?>