Il-kap tal-aġenzija kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti qalet li l-qerda apposta ta’ wirt kulturali bħal ma seħħ dan l-aħħar f’Nimrud, fl-Iraq, hu ekwivalenti għal “krimini ta’ gwerra”.
Id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, Irina Bokova, appellat lill-poplu kollu madwar id-dinja, l-iktar liż-żgħażagħ, biex jipproteġu l-wirt tal-umanità kollha.
Il-Gvern tal-Iraq qal li t-terroristi tal-Istat Iżlamiku farrku s-sit arkeoloġiku rinomat tal-belt antika fit-Tramuntana tal-Iraq bl-użu ta’ mezzi militari goffi.
Bokova kkundannat dan “il-kaos kulturali” u qalet li għarrfet lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Unit Ban Ki-moon u lill-prosekutur tal-Qorti Internazzjonali għall-Kriminalità.
It-teżori misjuba fl-oqbra rjali ta’ Nimrud fis-snin Tmenin kienu meqjusa bħala fost l-iktar sejbiet arkeoloġiċi importanti għas-seklu li għadda.
//= $special ?>

