Internazzjonali

Amnesty International tikkundanna l-Azerbaijan

Amnesty International kundannat għal dabr’oħra l-Azerbaijan minħabba l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qed ikompli bla rażan. Dan partikolarment għal dawk li jazzardaw jikxfu każi ta’ korruzzjoni jew jikkritika l-Gvern f’Baku.
Dan f’rapport li nħareġ biex ifakkar il-100 ġurnata għall-ftuħ tal-Logħob Ewropew li se jsir f’Baku f’100 ġurnata oħra. Amnesty International fakkret li fl-Azerbaijan hemm 22 persuna miżmuma l-ħabs. Nies li kontrihom kienu inventati sensiela ta’ akkużi biex jitwarrbu min-nofs.

socar-logo

Twadbet il-ħabs talli kixfet korruzzjoni mis-SOCAR

John Dalhuisen, id-direttur ta’ Amnesty International għall-Ewropa u l-Asja Ċentrali, wissa kontra li wieħed jitqarraq bid-dehra li l-Gvern tal-Azerbaijan jipprova jagħti ta’ pajjiż modern meta fil-fatt dan hu l-bogħod mir-realta. Hu qal li l-awtoritajiet fl-Azerbaijan huma fost l-aktar repressivi fl-Ewropa.
Fost dawk il-ħabs hemm Khadija Ismayilova, ġurnalista li kienet kritika ħafna tar-reġim tal-President Ilham Aliyev. Hi magħrufa l-aktar għall-investigazzjonijiet ta’ korruzzjoni minn uffiċjali tal-Gvern partikolarment b’rabta mas-SOCAR, il-kumpannija nazzjonali taż-żejt u gass tal-Azerbaijan. Hi ilha l-ħabs minn Diċembru wara li tressqu akkużi inventati kontriha wara perjodu ta’ rikatt biex ma tkomplix tikxef skandli dwar il-Gvern.