Jidher li qed tkompli d-dgħadija tal-ISIS kontra l-wirt storiku fl-Iraq. Dan hekk kif feġġew rapporti li l-fdalijiet ta’ belt oħra storika kienet qed titkisser mill-ġellieda ta’ dan il-grupp.
Sorsi Kurdi qalu li nies tal-ISIS kienu bdew ikissru l-fdalijiet tal-belt ta’ Hatra. Belt li kienet nħolqot 2,000 sena ilu u hi mniżżla mill-UNESCO bħala Wirt Dinji.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-ISIS bdew jeqirdu l-belt storika ta’ Nimrud u ftit qabel kienu xandru filmati ta’ membri tal-grupp ikissru l-istatwi antiki fil-mużew ta’ Mosul.
L-ISIS, li jikkontrollaw parti kbira tal-Iraq u s-Sirja, isostnu li statwi u pitturi huma idoli foloż u jridu jinqerdu għaliex jinsulentaw l-Iżlam
Bħal ma ġara f’Nimrud, anki f’Hatra, qabel ma bdew il-qerda tal-belt, il-membri tal-ISIS serqu dak li setgħu mill-post. Dan biex jiffinanzjaw il-ġlieda tagħhom
Belt oħra storika fl-Iraq fil-mira tal-ISIS
