Minn Roderick Vella
BIRKIRKARA………..4
SLIEMA W. ……………2
BIRKIRKARA: J.Haber, E.Herrera, N.Vukanac, M.Mazzetti, E.Gonzaga, R.Ledesma, P.Fenech, Z.Muscat, R.Muscat, R.Camenzuli, J.Zerafa.
Sost: 66min M.Bissi flok Eliandro Gonzaga, 76min K.Zammit flok R.Camenzuli, 89min N.Maachi flok R.Ledesma
SLIEMA W.: G.Zammit, A.Muscat, M.Ribeiro, J.Mintoff, M.Scerri, M.Mifsud, A.Pisanu, C.Gatt Baldacchino, M.Potezika, P.Calcado, B.Muscat.
Sost: 33min T.Cilia flok B.Muscat, 78min J.Obagbemiro flok J.Mintoff, 85min A.Friggieri flok M.Mifsud.
Imwissija: J.Zerafa, P.Fenech, R.Muscat (B)
Imkecci: 73min A.Scozzese (S)
Skurjaw: 4min R.Camenzuli (B), 8min A.Muscat (S), 14min R.Ledesma (B), 18min A.Pisanu (S) 23min R.Camenzuli, 92min Maachi (B)
Referee: Trustin Farrugia Cann
Il-Mument Plejer tal-logħba: R.Ledesma
Jista’ jkun li issa forsi huwa tard wisq għall-kampjonat, pero’ safrattant it-tim ta’ Birkirkara immexxi minn Paul Zammit baqa’ għaddej u ilu 13-il logħba ma jitlef. Kontra Sliema ħadu t-tielet rebħa konsekuttiva. Kienet partita movimentata, kemm fil-bidu, b’xalata ta’ gowls, kif ukoll fl-aħħar tal-partita b’argumenti u battibekki bejn plejers u diriġenti taż-żewġ timijiet. Għal Birkirkara rritorna Eliandro Gonzaga wara nuqqas ta’ xahar, b’Shodiya jkun nieqes. Għat-tim ta’ Azzopardi neqsin Bocar u Scozzese, waqt li Cilia beda bħala riserva.
Il-partita bdiet b’ħames gowls f’għoxrin minuta. Fir-raba’ minuta minn freekick ta’ Zach Muscat, il-ballun ġie għand Ryan CAMENZULI li liberu xxuttja u tefa’ lill-Karkariżi fil-vantaġġ. Sliema wieġbu minnufih, fit-tmien minuta. Minn kross ta’ Scerri, xutt fil-pront mill-viċin tal-kaptin Alex MUSCAT għeleb lil Haber.
Fl-14-il minuta l-Istripes reġgħu marru fil-vantaġġ. Kien freekick pinġut ta’ LEDESMA li għeleb ghat-tieni darba lil Zammit. Botta u risposta fuq in-naħa l-oħra. Minn freekick ieħor, l-ispeċjalista PISANU reġa’ ġab id-dro għall-Blues. Dro li gawdewh biss għal ftit minuti għax baqgħu ikunu protagonisti Ledesma u Camenzuli. Il-Brażiljan bil-kross u Ryan CAMENZULI bir-ras skorja t-tielet gowl Karkariż.
Birkirkara għal ftit m’għamluhomx erbgħa f’nofsiegħa meta xutt ta’ Fenech ġie salvat b’miraklu b’saqajh minn Zammit, mir-rebound Camenzuli xxuttja barra. Fil-35 minuta ċans tad-deheb anki għall-Sliema, b’Mateus Ribeiro li quddiem Haber xxuttja għoli.
Fil-61 minuta freekick ieħor inżidjuż, din id-darba mogħti minn Calcado impenja lil Haber. Fit-73 minuta l-Wanderers spiċċaw jilagħbu b’10 plejers meta Potezica żamm lil Ledesma li kien ġej quddiem Zammit u r-referee Farrugia Cann urih il-karta ħamra diretta. Birkirkara ppruvaw japprofittaw u jagħlqu l-partita.
Fis-87 minuta ballun fit-tul ta’ Haber sab eżattament lil Ledesma li kważi skorja imma Zammit salvalu b’diffikultà. Il-gowl li aċċerta r-rebħa Karkariża wasal fl-aħħar azzjoni tal-partita meta l-gowlkiper Slimiż Zammit issogra kollox u tela’ fl-attakk biex jgħin lil sħabu, imma l-Istripes ħarbu bil-kontrattakk b’Herrera u Fenech, il-captain ikkrossja lejn is-sostitut MAACHI li f’lasta vojta skorja r-raba’ gowl Karkariż. Wara l-partita żdiedet it-tensjoni wara li Calcado jista’ jkun li ta daqqa ta’ minkeb lil plejer Karkariż.
//= $special ?>