Aġġornata: Il-GWU fi kwistjoni industrjali mal-Free Port dwar ir-rikonoxximent. Kwistjoni li fiha s’sissa l-union diġa tat direttivi lill-ħaddiema biex jaħdmu ‘work to rule’ u bil-‘go slow’ iżda diġa ddikjarat li lesta teskla dawn l-azzjonijiet.
Dawn id-direttivi ġabu l-kundanna tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) li ddeskriviethom bħala azzjonijiet li fihom il-ħaddiema qed jinqabdu fin-nofs.
F’konferenza tal-aħbarijiet barra l-Free Port, is-Segretajru Ġenerali tal-GWU Tony Zarb qal li għall-GWU mhux aċċettabbli li jsir theddid lill-ħaddiem biex ma jissieħbux fil-GWU iżda jirritornaw fil-UĦM.
Hu qal li l-GWU għandha l-provi li l-maġġoranza tal-madwar 500 ħaddiem tal-Free Port huma membri tagħha u dwar dan lesta tiltaqa b’mod immedjat mat-tmexxija tal-Free Port.
Tony Zarb allega li qed isiru attentati u pressjoni fuq il-ħaddiema biex ma jissieħbux fil-GWU. Lesti nsaħħu d-direttivi u ma neskludu xejn, sostna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU, li kompla li l-GWU lesta tiltaqa’ għal soluzzjoni u tneħħi d-direttivi.
Fil-kundanna għal dawn l-azzjonijiet, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet li l-kumpaniji jispiċċaw isofru l-konsegwenzi fi kwistjonijiet bhal dawn. L-Assoċjazzjoni sostniet li dawn l-azzjonijiet qed isiru fi żmien ħażin meta l-Free Port qed iżid ix-xogħol u appellat għall-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu mgħaġġel u effettiv li jidħol fis-seħħ hekk kif jinqalgħu kwistjonijiet bħal dawn.
Aktar kmieni…
Numru ta’ ħaddiema jinsabu fuq ‘Go-Slow’ fil-Freeport f’Birżebbuġa.L-azzjoni industrijali daħlet fis-seħħ f’nofsillejl u kompla dalgħodu.
Il-‘Go-Slow’ aktarx hu konsegwenza ta’ tilwima bejn żewġ unions, partikolarment il-Union Ħaddiema Magħqudin u l-General Workers’ Union.
//= $special ?>