Lokali Parlament

Il-bdiewa u r-raħħala mhux qed jiġu konsultati mill-Gvern

Il-problemi u l-mistoqsijiet tal-bdiewa u r-raħħala ma nstemgħux f’laqgħa li għaliha l-Gvern stieden biss numru żgħir ta’ rappreżentanti tas-settur

L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern jisma’ u jikkonsulta mal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda u ma jgħabbix lil dan is-settur b’piżijiet ġodda.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura u Sajd, Toni Bezzina, ikkritika lill-Gvern fil-Parlament li bħalma mhux miexi b’serjetà mal-ħaddiema tal-Enemalta, lanqas mhu miexi b’serjetà mal-bdiewa u r-raħħala. Fisser li f’laqgħa dwar skema ta’ ħlas diretta għall-bdiewa u r-raħħala li ġiet varata sas-sena 2020, il-bdiewa u r-raħħala ma kinux mistiedna ħlief għal numru żgħir ta’ rappreżentanti tagħhom.

“Ma’ min suppost kellu jiddiskuti, ma kienx mistieden”, saħaq il-Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd li sostna li l-problemi u l-mistoqsijiet tal-bdiewa u r-raħħala ma nstemgħux.

Ikkritika kif il-Gvern għadda l-fondi Ewropej allokati għal dan is-settur lil Ministeru ieħor u mhux dak responsabbli mill-Agrikoltura, bil-konsegwenza li l-bdiewa u r-raħħala mhumiex imdaħħlin fl-ippjanar ta’ dan is-settur. Wissa li dawn huma fondi li jistgħu jintefqu f’aspetti oħra tal-ambjent rurali u mhux lejn it-titjib dirett tal-bdiewa u r-raħħala, għat-titjib fl-irziezet u għat-tisħiħ tal-infrastruttura f’dan is-settur.

Appella li parti minn dawn il-fondi Ewropej hemm bżonn li jintużaw għall-iżvilupp tar-riċerka f’dan is-settur jekk irridu nirnexxu u negħlbu l-isfidi tas-suq ħieles. Dan għall-ġid tas-settur agrikolu tagħna.

Toni Bezzina saħaq li l-bdiewa u r-raħħala qed jistennew kif se jkunu allokati l-fondi Ewropej għas-settur tagħhom sal-2020, u dan qed iwassal għal inċertezza kbira. Min irid jinvesti f’dan is-settur, spiċċa bla direzzjoni.

Appella lill-Gvern jisma’ lill-bdiewa u r-raħħala għaliex dawn qed jistaqsu jekk hux se jiġu mgħarrfa u konsultati dwar it-tibdil meħtieġ u fuq skemi ġodda li tħabbru f’laqgħa li għaliha ma kinux mistiedna. Il-produtturi tat-tadam ukoll iridu jkunu jafu kif se jintlaqtu mill-miżuri li qed jippjana l-Gvern jekk il-miżuri se jidħlu fis-seħħ din is-sena.

Semma li l-bdiewa u r-raħħala għaddejjin mill-istess inċertezza bħall-ħaddiema tal-Enemalta. Irrimarka wkoll li hemm xamma oħra li s-sitwazzjoni li għaddejjin minna l-ħaddiema tal-Enemalta, se tolqot ukoll lill-ħaddiema tat-trasport pubbliku. Semma kif manager ġie mneħħi biex ħa over Spanjol, bil-ħaddiema jiġu mhedda li l-istess xorti tista’ tmiss ħaddiema oħrajn.