Il-GWU iddikjarat li ma kinitx komda taċċetta proċedura ta’ verifika mmexxija mid-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali
Il-Malta Freeport Terminals Limited qalet li l-prijorita’ għandha dejjem tkun l-impjegati rappreżentati mill-union li tgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tagħhom. Qalet li dan il-fatt għandu jkun ikkostatat permezz ta’ proċedura ta’ verifika, trasparenti, oġġettiva u ġusta.
Il-Malta Freeport Terminals Limited qalet dan f’ittra li bagħtet lill-GWU u li ġiet ippubblikata aktar tard b’rabta mal-iżviluppi li qed isiru dwar l-azzjonijiet industrijali mill-General Workers’ Union (GWU) fil-Freeport, il-Malta Freeport Terminals qalet li f’dan il-kuntest, kien biss fl-aħħar ġranet li l-GWU ressqet it-talba tagħha sabiex il-kumpanija tikkunsidra li jsir proċess ta’ verifika ta’ liema union tgawdi l-maġġoranza mill-impjegati tal-kumpanija – dan meta diġa teżisti union oħra rikonoxxuta u bi ftehim kollettiv bejn il-kumpanija u l-impjegati.
Qalet ukoll li l-kumpanija minnufih ħadet azzjoni sabiex tilqa’ din it-talba tal-GWU, tant li organizzat laqgħa formali mal-GWU fis-27 ta’ Frar fejn il-kumpanija affermat li ħadet konjizzjoni tat-talba u saħansitra kienet qed tipproponi li l-verifika ssir b’mod oġġettiv u mingħajr dewmien.
Fl-ittra li l-kumpanija bagħtet lill-GWU qalet li l-istess union kienet iddikjarat li ma kinetx komda taċċetta proċedura ta’ verifika mmexxija mid-Dipartiment tal-Impjieg u r-Relazzjonijiet Industrijali għar-raġunijiet tagħha u għalhekk il-kumpanija rat kif se taġevola dina l-kwistjoni billi offriet li tistieden terza persuna indipendenti mill-partijiet u li tgawdi l-fiduċja tal-partijiet kollha biex tmexxi dawn il-proċeduri.
Qalet ukoll li l-azzjonijiet tal-GWU huma kemm prematuri kif ukoll eċċessivi u mhux neċċessarji fiċ-ċirkostanzi – u dan fid-dawl li l-kumpanija qed tipprova taġevola t-talbiet tal-GWU biex issir il-verifika malajr kemm jista’ jkun. Saħqet, fl-ittra li ntbgħatet lill-GWU li l-azzjonijiet industrijali mhumiex ġustifikati.
Fl-ittra tagħha, il-Malta Freeport Terminals qalet li ma kelliex tiġi reġistrata tilwima industrijali u li qed tistenna’ li ssir laqgħa. Żiedet li l-kumpanija ma taċċettax li saru dawn l-azzjonijiet meta l-kumpanija għamlet ħilitha sabiex issir il-verifika f’kuntest li ma tagħmel l-ebda xkiel għall-proċess b’mod li jippreġudika lill-union jew lill-impjegati.
F’dan l-isfond il-kumpanija qalet li qed terġa’ tistieden lill-GWU biex terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha u twaqqaf kull azzjoni li tista’ tfixkel l-operat tal-kumpanija u minflok tiffoka l-isforzi tagħha sabiex il-partjiet jaslu għal kompromess rigward il-proċedura u sabiex il-verifika ssir minnufih fl-interess ta’ kulħadd speċjalment tal-impjegati li huma jirrappreżentaw.
//= $special ?>