Futbol Sport

Il-qlubija ta’ Pietà ma twaqqafx lil Hibernians

Minn George Cassar

HIBERNIANS………………..3
PIETÀ HOTSPURS………..1

Hibernians: J. Borg, R. Soares, A. Agius, J. Pearson, J. Mbong (M. Dias 66’), C. Failla, B. Kristensen, J. Lima, A. Cohen (J. Bezzina 83’), Jorginho (J. Farrugia 83’), Tarabai

Pietà H.: M. Montfort, K. Micallef, J. Pisani, C. Grech, L. Fortunato, Rafinha, K. Cesare, J. Gabriel (R. Costa 66’), C. Attard, C. Frances, L. Micallef (C. Newuche 66’)

Skorjaw: C. Failla 9’, A. Agius 30’ (H); J. Pisani 57’ (P)
Imwissija: C. Grech (P); J. Mbong, J. Borg, Tarabai (H)
Referee: A. Azzopardi
Il-Mument Plejer tal-logħba: J. Pisani (P)
Attendenza: 1,202

Wirja ferm qalbiena ta’ Pietà Hotspurs xorta ma kinitx biżżejjed biex twaqqaf lil Hibernians milli jkomplu bil-mixja tagħhom lejn ir-rebħ tal-kampjonat. Hibernians skorjaw żewġ gowls fl-ewwel taqsima u ħasbu li setgħu jserrħu rashom mir-rebħa, iżda l-Hotspurs daħlu fil-logħba fit-tieni taqsima u ma kienu jisirqu xejn kieku anki ħarġu b’punt minn dan il-konfront li baqa’ inċert sal-aħħar, sakemm Hibernians skorjaw it-tielet gowl sekondi mit-tmiem.

Il-plejers immexxija minn Noel Coleiro ħarġu minn dan il-konfront b’rashom mgħollija u jekk jibqgħu jagħtu wirjiet bħal dawn, żgur li posthom fil-Premier huwa garantit. Għalihom reġa’ spikka d-difensur xellugi Jurgen Pisani li apparti li skorja, ħoloq diversi problemi mal-lemin ta’ Hibernians.
Madankollu, reġa’ nħass dak l-attakkant li jitfa’ l-ballun fix-xibka, xi ħaġa li ilhom jħossu n-nuqqas tagħha mill-bidu tal-kampjonat.

Għal Hibernians żgur li ma tistax titqies fost l-aħjar wirjiet tal-istaġun, fejn għalihom l-iskorer prolifiku Tarabai, ftit li xejn deher u donnu li diġà beda jaħseb fl-avventura l-ġdida mal-klabb Korean. Bejn il-lasti, beda l-gowlkiper Jurgen Borg, hekk kif dak regolari Henry Bonello weġġa’ f’nofs il-ġimgħa.

Wara biss disa’ minuti, Hibernians marru fil-vantaġġ b’xutt angolat ta’ Clayton FAILLA li spiċċa fir-rokna ta’ Montfort bl-internazzjonali Malti jikkonferma l-forma impressjonanti tiegħu li ilu għaddej biha mill-bidu tal-kampjonat.

Wara nofs siegħa logħob, kien hemm dejà vu ta’ dak li ġara ġimgħa ilu, kontra Żebbuġ, fl-istess grawnd, fl-istess ħin u b’gowl simili bejn l-istess plejers ukoll. Minn freekick ta’ Clayton Failla, Andrei AGIUS reġa’ skorja bir-ras.

Żewġ minuti bogħod mis-siegħa logħob, Pietà daħlu fil-logħba meta minn kross ta’ Claudio Frances, Jurgen PISANI kkonkluda b’xutt imdawwar fix-xibka.

Żewġ minuti wara, Pietà saħansitra setgħu ġabu l-iskor indaqs, meta reġa’ kien Pisani li wara ġirja max-xellug, ta ballun fuq platt lil Frances li minn quddiem Borg xeħet barra.

Pietà baqgħu jippressaw anki b’erba’ attakkanti, inkluż id-difensur Fortunato, iżda l-isforzi tagħhom ma ssarfux f’gowl.

Fl-aħħar sekondi, bl-avversarji żbilanċjati, Hibernians issiġġillaw ir-rebħa meta Tarabai daħal fil-kaxxa, ta ballun lejn l-iżmarkat Jean Paul FARRUGIA li skorja l-ewwel gowl tiegħu mir-ritorn f’Malta.