L-amministrazzjoni ta’ park mimli siġar f’Somerset, fir-Renju Unit, kellhom jieħdu azzjoni wara li ma’ qiegħ iz-zokk ta’ ħafna siġar bdew jitfaċċaw iżżejjed “fairy doors”.
Għall-bidu, dawn il-bibien żgħar fil-bażi tas-siġar kienu qed jintogħġbu, speċjalment minn tfal żgħar u l-ġenituri tagħhom li permezz tal-idea kienu qed jagħtu sens ta’ maġija liż-żgħar. Uħud minnhom kienu nifetħu u fuq in-naħa ta’ ġewwa kienu juru kamra żgħira tal-injam, qisha dar ċkejkna attrezzata għall-fairies żgħar.
Imma meta dawn il-bibien żgħar bdew jiżdiedu u telgħu għal madwar 200, uħud minnhom b’kuluri li iktar jaqblu ma’ kuntest ta’ Barbie milli ma’ foresta, u meta siġar spiċċaw b’toqob imqatta’ fihom biex twaħħlu saħanistra sa għaxar bibien, l-amministrazzjoni waqqfet lil kulħadd milli jibqa’ jinstallahom u neħħiet dawk il-bibien li l-iktar li kienu koroh.
Skont min imexxi l-park, l-idea ta’ meta twaqqaf dan il-post pubbliku kien biex kbar u żgħar ikollhom post fejn jieħdu ftit mistrieħ imma jżommu mal-passaġġi stabbiliti. Mal-ewwel bibien żgħar li tfaċċaw fuq is-siġar, ftit kienu dawk li baqgħu jżommu mal-passaġġi u kienu qed joħolqu ħsara lill-veġetazzjoni.
Għaż-żgħar, iż-żjara lil dan il-post kienet qed issir esperjenza maġika hekk kif kienu jħallu noti lill-fairies u jimpustawhomlhom wara l-bibien żgħar.
Għal xi wħud iktar imprenditorjali, il-bibien tal-fairies spiċċaw negozju hekk kif bdew joħolquhom u jbiegħuhom fis-suq lokali.
//= $special ?>