Lokali

L-iskandlu tal-Cafe’ Premier: waħda mir-raġunijiet li wasslet għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Artijiet

L-iskandlu tal-Cafe’ Premier kien waħda mir-raġunijiet li s-sena li għaddiet wassal għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Artijiet Joe Bugeja. Bugeja stess żvela dan mal-ġurnal Times of Malta.

Fl-intervista li ta, Joe Bugeja qal li d-Dipartiment tiegħu qatt ma kien ikkonsultat dwar il-ftehim tal-Cafe’ Premier – ftehim li ntlaħaq direttament bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u s-sidien tal-Cafe’ Premier. Bugeja qal li hu ffirma l-kuntratt għax qalulu biex jagħmel hekk.

Joe Bugeja ammetta li hu ffirma l-kuntratt għax qalulu biex jagħmel hekk peress li kien xogħolu, bħala Kumissarju tal-Artijiet, li jagħmel hekk – madanakollu qal li għamilha ċara mal-Awditur Ġenerali li hu la kien involut u l-anqas konsultat fil-ftehim tal-Cafe’ Premier.

Lura f’Settembru 2014, dan l-istazzjon, kien żvela li Joe Bugeja kien irriżenja minn Kummissarju tal-Artijiet minħabba indħil politika. Is-sena li għaddiet dan l-istazzjon kien irraporta li l-eks-Kummissarju tal-Artijiet Joe Bugeja tpoġġa f’sitwazzjoni impossibbli u li kien spiċċa vittma ta’ stil ta’ tmexxija politika li tippermetti indħil assolut.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat injora mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar jekk ir-riżenja ta’ Joe Bugeja minn Kummissarju tal-Artijiet kienitx marbuta mal-iskandlu tal-Cafe’ Premier.