Internazzjonali

L-UE se tirrevedi r-relazzjonijiet mal-ġirien problematiċi

L-Unjoni Ewropea qed tipprova tistimola n-Neighbourhood Policy (ENP) tagħha, għaxar snin wara li ħarġet biha għall-ewwel darba. Intant, il-politika partikolari spiċċat, fil-parti kbira, irrelevanti minħabba l-iżviluppi tal-Ukrajna u madwar il-Mediterran.

Federica Mogherini, bħala r-Rappreżentant tal-UE għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurta, u Johannes Hahn, bħala ‘Neighbourhood Commissioner’ inkarigat ukoll bit-tkabbir tal-Unjoni, introduċew dokument tal-ideat li jirrigwardaw l-istrateġiji tal-UE fil-konfront tal-ġirien tal-Lvant u n-Nofsinar.

L-Istati-membri tal-UE, is-sittax il-pajjiżi sieħba tal-ENP u s-soċjeta ċivili fl-Ewropa tal-Lvant u n-Nofsinar se jinvolvu ruħhom fl-evalwazzjoni tal-azzjonijiet li saru s’issa.

Dan meta l-ewwel konsultazzjoni mal-ġirien (tal-UE) tan-Nofsinar għandha ssir, f’ April, fil-belt ta’ Barċelona, fi Spanja. Sadanittant, f’Mejju li ġej għandha ssir reviżjoni tal-hekk-imsejjaħ ‘Eastern Partnership’ f’Riga, il-kapitali tal-Latvja.

Mistenni li, fil-ħarifa, tkun ippreżentata proposta sħiħa dwar strateġija imġedda għall-infiq. Dan meta diġa hemm baġit ta’ ‘l fuq minn 15 il-biljun ewro għall-perijodu 2014-2020.

Intant, Federica Mogherini tkellmet dwar ‘reġjun li qed jaqbad’ meta rreferiet għall-gwerrer fl-Ukrajna u s-Sirja; b’fattur ieħor ewlieni jinvolvi l-kaos tal-Libja.

Fl-istess ħin, u wara r-Rebbiegħa Għarbija storika, in-nuqqas ta’ stabbilta politika fl-Eġittu u l-Libanu, minbarra l-proċess għall-paċi staġnat bejn Iżrael u l-Palestinjani, ilkoll jindikaw li l-Unjoni Ewropea naqset milli ssostni l-istabbilta fil-viċinanzi.