Lokali

Muscat jerġa’ jigdeb u jinfexx f’attakk sfrenat kontra min qed jgħid il-verità – il-PN

Dalgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat infexx f’attakk dirett fuq l-eks Kummissarju tal-Artijiet Joseph Bugeja għaliex dan qal il-verità, jiġifieri li hu rriżenja, fost l-oħrajn, minħabba l-iskandlu tal-Cafe’ Premier.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-libertà tal-espressjoni hija sagra u mhuwiex aċċettabbli li Prim Ministru jinfexx f’attakk fuq min jgħid dak li jħoss. Huwa ċar li Muscat jinsab bla kliem biex jiddefendi l-indħil tiegħu, u minflok ma jammetti li żbalja, jinfexx f’attakk isteriku jiddefendi l-aġir skandaluż tiegħu, sostna jgħid il-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista qal li llum Muscat reġa’ gideb meta qal li ma kienx involut fin-negozjati. Skont ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, Muscat indaħal b’mod dirett fin-negozjati mad-Direttur ta’ Cafe’ Premier, tant li kien hu stess li propona l-offerta finanzjarja, u kien hu wkoll li ltaqa’ mad-Direttur ta’ Cafe’ Premier kemm qabel kif ukoll eżatt wara l-elezzjoni ġenerali.

Muscat ma jistax jibqa’ jaħrab. Issa wasal iż-żmien biex jerfa’ r-responsabbiltà politika, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.