Futbol Sport

Piciollo jbexxaq il-bieb tal-Ewropa għal Floriana

Minn George Cassar

BALZAN……………..0
FLORIANA…………….3

Balzan: S. Sultana, J. Grioli, S. Bezzina, S. Arab, E. Serrano, I. Guobadia, D. Grima (T. Agius 69’), E. Zarate (R. Darmanin 57’), O. Guerrero, J. Mifsud Triganza (L. Micallef 57’), B. Kaljevic
Floriana: M. Calleja Cremona, E. Briffa, M. Micallef, S. Bonnici (Clyde Borg 73’), D. Cobo, E. Marcelina, Conor Borg, S. Pisani, A. Samb (I. Coronado 76’), M. Piciollo, V. Plut (S. Borg 90’)

Skorjaw: M. Piciollo 42’, 52’, Conor Borg 76’ (F)
Imwissija: M. Piciollo (F), E. Serrano, J. Grioli, S. Sultana (B)
Referee: E. Azzopardi
Il-Mument Plejer tal-logħba: M. Piciollo (F)

Floriana refgħu waħda mill-aħjar wirjiet tagħhom ta’ dan l-istaġun għall-konfront dirett kontra Balzan, li jista’ jfisser post fl-Ewropa, meta ddominawhom u rebħulhom bi tliet gowls.

Għat-tim immexxi minn Giovanni Tedesco, spikkaw iż-żewġ attakkanti Vito Plut u Matteo Picciollo li qed jagħmlu d-differenza f’ħafna mill-partiti, b’tal-aħħar jiskorja doppjetta u jkun ta’ xkiel kontinwu għad-difiża ta’ Balzan. It-trio ta’ nofs il-grawnd Conor Borg, Emerson Marcelina u Steve Pisani ikkordinaw ferm tajjeb bejniethom b’tal-aħħar jipprovdi wkoll il-blalen għat-tieni u t-tielet gowl.

Kuntrarju għal Floriana, Balzan iddiżappuntaw u ma qamux għall-okkażjoni. Kienu inutli l-aġġustamenti li pprova jagħmel il-kowċ Oliver Spietri bid-dħul ta’ Lydon Micallef u l-eks Ryan Darmanin fit-tieni taqsima, għax il-Balzanin baqgħu qatt ma kienu theddida għall-Furjaniżi.

Floriana fetħu l-iskor f’ħin ideali, ftit minuti qabel intemmet l-ewwel taqsima. Micallef tela’ minn wara mal-faxxa xellugija, għadda lejn Plut, li ta kross lejn Matteo PICIOLLO, li kkonkluda bir-ras, bil-gowlkiper Sultana jkun tard wisq fil-qabża tiegħu biex iżomm il-ballun milli jidħol.

Floriana fetħu t-tieni taqsima bħalma għalqu l-ewwel waħda, b’gowl ieħor. Wara biss seba’ minuti, minn freekick ta’ Steve Pisani, Matteo PICIOLLO b’xutt bid-dawra għeleb lil Sultana.

L-unika diżappunt tal-ġurnata għal Floriana kien is-Senegaliż Amadou Samb li lejn is-70 minuta, ġie wiċċ imb’wiċċ mal-gowlkiper avversarju għal darbtejn f’minuta, iżda kellu konklużjonijiet ferm traskurati fost id-diżappunt tal-partitarji Furjaniżi.

Kwarta mit-tmiem, Floriana qatgħu saqajn il-Balzanin bit-tielet gowl. Reġa’ kien l-espert tas-set pieces, Steve Pisani li minn freekick ieħor, ġab lil Conor BORG waħdu fil-kaxxa ż-żgħira , biż-żagħżugħ ta’ 17-il sena, jikkontrolla u jitfa’ fix-xibka.

Żewġ minuti mit-tmiem, il-gowlkiper Steve Sultana jista’ jgħoddha b’waħda meta waqqa’ lil Vito Plut, li ġie waħdu quddiemu, barra l-kaxxa iżda r-referee Azzopardi għaddithielu b’karta safra biss fost id-diżapprovazzjoni tal-Furjaniżi.

Mas-suffara finali, fil-Hibernians Stadium, dwiet l-għajta “On the Greens” fost il-partitarji numerużi Furjaniżi, li issa qed jibdew jaraw xaqq ta’ tama għar-ritorn tat-tim tagħhom fil-kompetizzjonijiet Ewropej wara nuqqas ta’ tliet snin.