Ħames persuni suspettati dwar sehem fil-qtil tal-politiku tal-Oppożizzjoni Russa, Boris Nemtsov, tressqu l-qorti f’Moska, il-kapitali tar-Russja, bi tnejn ikunu akkużati b’konnessjoni mad-delitt.
Iż-żewġ akkużati, Anzor Gubashev u Zaur Dadayev, huma ta’ oriġini Ċeka u kienu arrestati nhar is-Sibt. Intant, l-akkużi miġjuba kontra tagħhom jinvolvu ‘l-organizzazzjoni u t-twettiq tal-omiċidju inkwistjoni’. Filwaqt li ma ngħatawx wisq dettalji, mifhum li Zaur Dadaev kien membru f’ battaljun tat-truppi tal-Ministeru għall-Intern fiċ-Ċeċenja.
Boris Nemtsov, magħruf bħala kritiku kbir tal-President Russu, Boris Yeltsin, inqatel fil-lejl tas-27 ta’ Frar meta qala’ diversi tiri ta’ arma waqt li hu u s-sieħba tiegħu kienu mexjin fuq pont fil-viċinanzi tal-Kremlin, f’Moska.
Il-funeral ta’ Nemtsov, politiku liberali li serva wkoll bħala Viċi-Prim Ministru Russu, sar f’Moska nhar il-Ħamis li għadda; bil-President Putin jikkundanna l-qtil u jsejjaħ ‘biex jintemmu l-omiċidji bi skop politiku’ fir-Russja.
Nemtsov inqatel jiem biss qabel sar marċ li hu stess kien qed jorganizza kontra l-gwerra tal-Ukrajna. Hu kien ukoll qed jaħdem fuq rapport li kien mistenni jiżvela dettalji dwar ‘is-sehem militari sigriet tar-Russi’ fil-konflitt Ukren.
//= $special ?>

