Rapport kurjuż mir-Renju Unit irrefera għal raġel ta’ 23 sena li dam is-sigħat fuq il-bejt tal-Parlament f’Londra u li spiċċa arrestat fuq suspett li wettaq il-ħsarat ‘bi skop kriminali’ u talli kien daħal fi proprjeta mingħajr il-permess dovut.
L-inċident seħħ matul il-lejl tas-Sibt, b’numru ta’ negozjaturi, pulizija u membri tal-iskwadri għat-tifi tan-nirien imorru fl-inħawi malli kienu infurmati bil-preżenza tar-raġel.
Dan ir-raġel, ‘il quddiem, spiċċa arrestat u ttieħed ġo għassa tal-pulizija fiċ-ċentru ta’ Londra. Fl-istess ħin, kelliema għall-Pulizija ta’ Scotland Yard qalu li kienu għadhom ma jafux ir-raġuni speċifika għalfejn ir-raġel tela’ fuq il-bejt tal-Parlament.
Mhix l-ewwel darba li xi grupp ta’ attivisti ‘għażlu’ l-bejt tal-Parlament Britanniku bħala ‘sit għal protesta’ iżda, għalissa, ħadd ma jaf jekk dan ir-raġel riedx iwassal xi messaġġ partikolari. Mifhum ukoll li qabel l-arrest, il-pulizija ippruvat titkellem mat-tali, bil-korrispondenti fl-inħawi jsostnu li kienu semgħu ‘bħall-għajjat min-naħa tal-bejt u fejn id-diskors ma kienx daqstant ċar’.
//= $special ?>

