Hekk kif illum sar il-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-Partit Nazzjonalista, bit-tema Nagħmlu Differenza, bi preparazzjoni għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, messaġġ komuni tal-bidla li l-kandidati tal-partit jixtiequ jagħmlu fil-lokalitajiet li jirrappreżentaw.
L-elezzjoni għall-Kunsilli Lokali se ssir nhar il-11 t’April wara ħidma mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għaliex Gvern Laburista ried li l-elezzjoni tkun posposta.
Il-President tal-Partit Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici fissret din it-tema magħżula, Nagħmlu Differenza, bħala xhieda ta’ dak li jixtieq jagħmel il-Partit Nazzjonalista fil-lokalitajiet differenti, l-istess bħad-differenza li għamel fl-aħħar sentejn minkejja distakk kbir mill-Partit Laburista.
George Muscat – kandidat għal Ħal-Qormi
“Għamilt żmien imbiegħed mill-Partit Nazzjonalista imma għaraft li llum il-partit qiegħed jaħdem biex jissawwar madwar valuri demokratiċi li jagħmluna uniċi.” Kliem George Muscat, kandidat għall-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi. Qal li llum jagħraf li dak li hu llum hu grazzi għall-Partit Nazzjonalista, li ma joffrix stampa one size fits all imma grupp ta’ nies li bl-ideat tagħhom qed isawwru dan il-partit. Fisser lill-kunsillier bħala persuna li jrid ikun jaf qalb, qalb u dar, dar fil-lokalita’ li jrid jirrappreżenta.
James Cassar – kandidat għall-Mosta
Il-Partit Nazzjonalista ried li jilħaq lir-residenti kollha fil-lokalitajiet meta waqqaf il-kunsilli lokali, esperiment li fissru bħala suċċess. Qal li hu għalhekk li offra s-servizzi tiegħu mill-ġdid biex jaħdem għar-raħal tiegħu. Fakkar li taħt kunsill b’maġġoranza Laburista, il-Mosta nfniet mill-konfużjoni sakemm il-poplu Mosti afda mill-ġdid lill-Partit Nazzjonalista li ħadem u għolla mill-ġdid isem il-Mosta. Kellna direzzjoni u ksibna rispett, għamilna differenza għall-Mosta. Il-Mostin semmgħu il-vuċi tagħhom u għamlu raħal aħjar bil-vot tagħhom.
Joseph Mercieca – kandidat għall-Ħamrun
Minkejja inċident ikrah li minħabba fih qatta’ żmien twil l-ITU, disa’ xhur l-isptar u għadda minn għoxrin operazzjoni, minkejja li f’Mejju ta’ sentejn ilu skopra li qed isofri minn kanċer fil-musrana, Aaron Farrugia, Kap Eżekuttiv ġdid tal-Freeport appuntat politikament, lil Joe Mercieca neħħielu x-xogħol kollu. “Għaddewni minn bord mediku u xtaq li ma nidħolx iktar ix-xogħol. Sofrejt umiljazzjonijiet u u naqqsuli l-paga,” qal joe Mercieca.
Imma minekjja dan kollu rkupra u minkejja li sab min xtaq ikissru, wiegħed li se jibqa’ Nazzjonalist u se jaħdem iktar mill-qalb. Wieghed li minkejja li se jerġa’ jiġi operat, hu se jirritorna b’iktar saħħa għal iktar ħidma u wassal messaġġ ta’ kuraġġ.
Joanna Abdilla – kandidata għal Ħal Safi
“Qed ninvolvi ruħi attivament fil-Partit Nazzjonalista għall-ewwel darba għax nixtieq li nuża l-politika lokali bħala l-aqwa għodda biex nagħmel il-ġid u d-differenza għal-lokalita’ tiegħi.” Kliem il-kandidata għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi Joanna Abdilla li appellat liż-żgħażagħ biex imorru jivvutaw u juzaw l-elezzjoni bħala opportunita’ biex iwettqu bidla bil-vot tagħhom. Fissret li l-ħidma taghha se tkun intiża biex twettaq il-ġid għal Ħal Safi, twettaq id-differenza.
David Vassallo – kandidat għal Ħad Dingli
Il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni kien qal li l-politika m’għandiex tkun ridotta biss għal ksib ta’ voti. Qal li dan id-diskors qatt ma kien relevanti daqs illum ghal Malta, bi Gvern Laburista li mohhu biss biex jigbor il-voti. Semma’ kif ricentament hareg l-iskandlu tal-Cafe Premier mill-Pim Ministru Joseph Muscat u Gvern Laburista. Ahna tal-Partit Nazzjonalist ghanda obbligu li nkomplu nahdmu u naghmlu differenza ghall-ahjar, kuntraju ghal dak li qed jaghmel Gvern Laburista.
Ivan Bartolo – kandidat għal Paola
Il- Partit Laburista tilef il-viżjoni li kellu qabel ħa l-poter, b’pazjenti jmutu fil-kurituri. Mhu jsir xejn ġdid, b’kunsilli lokali bħal dak ta’ Paola li ħalla diżastru, proġetti li baqgħu fuq il-karta u saħansitra plakka tal-irħam li ma twaħħlitx mill-ġdid fil-lokalita’ għax kienet inawgurata minn Eddie Fenech Adami. Ivan Bartolo qal li dan hu biss eżempju wieħed żgħir fost ħafna wegħdiet li saru lir-residenti imm ma sarux. Għalhekk qal li kandidati tal-Partit Nazzjonalista iridu jħossu l-polz tar-residenti.
Liam Sciberras – kandidat għal Santa Luċija
“Bħala żagħżugħ ta’ 22 sena u student tal-liġi, il-kandidatura tiegħi qed ressaqtha biex inkun nista’ noffri lir-residenti persuna li lest ikun qrib u jisma’.” Qal dan Liam Sciberras li fisser l-għażla tiegħu li jissieħeb mal-Partit Nazzjonalista, minkejja li ġej minn familja Laburista u fl-aħħar elezzjoni ġenerali saħansitra vvota lill-Partit Laburista, għax iħoss li l-partit joffri l-aqwa valuri. Fakkar kif il-Partit Nazzjonalista, minkejja li Santa Luċija hi komunita’ żgħira, għamel differenza fiha, fosthom bil-proġett tal-Ġnien Ċiniż, wieħed mill-attrazzjonijiet ewlenin fil-lokalita’ u li sar minn Gvern Nazzjonalista.
Anthony Grech – kandidat għal San Ġiljan
Gvern Nazzjonalista permezz tal-kunsilli lokali xtaq li jkun qrib ir-residenti, u grazzi għall-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, dawn l-elezzjonijiet kienu salvagwardjati minkejja li Gvern Laburista xtaq li ma jsirux. Anthony Grech qal li bil-kandidatura tiegħu, u jekk jiġi elett, jixtieq li jkompli jibni fuq dak li sar minn maġġoranza żgħira imma qalbiena ta’ kandidati tal-Partit Nazzjoanlista. Kompla li jekk maġġoranza żghira ġabet tant bidla f’San Ġiljan, aħseb u ara kemm jista’ jsir iktar b’maġġoranza ikbar.
James Aaron Ellul – kandidat għall-Floriana
Il-Partit Nazzjonalista dejjem stinka biex ġab id-differenza u ġab kisbiet storiċi għall-poplu Malti. Kompla li hu għalhekk li għażel il-Partit Nazzjonalista biex jgħin lokalita’ bi sfidi kbar fil-popolazzjoni tagħha, problema li ma tistax tiġi njorata. Għalhekk qal li hu bħala żagħżugħ, irid iwettaq iktar fil-preżent u l-futur. “Iż żgħażagħ kapaċi jaħdmu u jgħelbu l-isfidi, kapaċi jakkwistaw dak li hu għal qalbhom,” tenna James.
Alex Mangion – kandidat għal Ħ’Attard
“Meta tkellimt fil-Konvenzjoni Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, staqsejt jekk il-partit hux lest jisma’ l-karba tiegħi bħala persuna transgender. Il-partit semgħani dakinhar u jien xhud li l-partit jisma’ u jisma’ bis-serjeta’ wara li vvota favur drittijiet għal nies bħali. Simon Busuttil semgħani bis-serjeta’ u jien illum ninsab hawn ħhax nemmen li aħna ż-żgħażagħ verament nistgħu nkunu l-bidla fis-soċjeta’.” Kliem Alex Mangion, li fid-diskors tiegħu waqt il-Kunsill Ġenerali fisser kif l-inklussivita’ tal-Partit Nazzjonalista wasslitu għad-deċiżjoni li joffri lilu nnifsu għal-lokalita’ ta’ Ħ’Attard.
Albert Buttigieg – kandidat għal San Ġiljan
Politiku ideali jrid ikun wieħed li jisma’, preżenti b’umilta’ u kuraġġ. Qal dan Albert Buttigieg li wara snin twal ta’ karriera u ħajja attiva man-nies, anke’ fil-volontarjat, iddeċieda li jagħmel dak li fissru bħala pass ‘il quddiem biex jagħmel differenza fil-ħajja ta’ kuljum għar-residenti. Filwaqt li aħres lejn il-ġid kollu li sar minn gvernijiet Nazzjonalisti, Buttigieg fakkar li mhux kollox kien ward u żahar. Madankollu kompla li jekk wieħed jagħraf dan, kif għamel u qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, allura verament issir bidla fil-lokalitajiet bħala tim wieħed magħqud.
David Thake – kandidat għal San Pawl il-Baħar
L-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali trid turi li l-Partit Nazzjonalista jrid verament ikun partit li jisma’ iktar milli jitkellem, għaliex il-poplu qed jinduna li Gvern Laburista hu Gvern li jemmen li la għandu l-poter jista’ jagħmel li jrid. Gvern li jgħajjat ‘Wake up and smell the coffee’ waqt li ħoloq l-iskandlu tal-Cafe’ Premier, Gvern li jagħti l-opportunita’ lil min tah appoġġ qabel l-elezzjoni biex ipappiha minn fuq dar il-poplu. Il-poplu jrid Gvern li jagħti d-drittijiet lil kulħadd, u l-Partit Nazzjonalista jrid ikun dan.
Justin Fenech – kandidat għas-Swieqi
Għall-Partit Nazzjonalista l-principji sodi u universali mhux biss huma importanti imma iktar minn hekk huma l-bazi tal-ħidma. Dan kuntrarju għall-ħafna wegħdiet sbieħ tal-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni, imma li llum ma jeżistux. Irridu nuru lill-poplu xi rridu nagħmlu differenti, kif urejna fil-kunsill Lokali tas-Swieqi b’kuntatt regolari mar-residenti, b’ħidma wkoll mal-kunsillieri Laburisti tant li tajnihom portafolli ta’ responsabbiltajiet, ftaħna għassa u bdejna u wettaqna proġetti.
Ralph Puli – kandidat għal Ħal Qormi
Minkejja lista ta’ wegħdiet li bihom il-Partit Laburista tela’ fil-Gvern dawn ma twettqux. Il-Partit Nazzjonalista dejjem irrispetta lil Ħal Qormi u ħadem biex il-lokalita’ marret għall-aħjar. Imma għaddew sentejn ta’ Gvern Laburista u lil Ħal Qormi nesewh għal kollox, u bħalissa qed jiftahru b’rix ħaddiehor, bil-Ministru Joe Mizzi jżur il-lokalita’, minkejja li qatt ma stinka għalih jew biex pajjiżna daħal fl-Unjoni Ewropea, li grazzi għall-fondi tagħha sar dan il-proġett. Tant jistmaw lil Ħal Qormi li fdaw l-immaniġġjar tat-traffiku f’idejn xi ħadd li għalih hu perċezzjoni, wegħdu pont fil-bypass u lanqas saret ġebla, u waqqfu l-proġett ta’ kumpless sportiv.
Hermann Schiavone – kandidat għal Birżebbuġa
Minkejja li l-Partit Nazzjonalista mhux perfett, għandu standards etiċi għolja. Imma Gvern Laburista, skandlu wara l-ieħor, qed juri li l-etiċi għalih huma ineżistenti. Lill-poplu Malti dan il-Gvern swieh 4 miljuni minħabba l-każ tal-Cafe’ Premier, Gvern li jarmi flusek biex ipaxxi lil tal-qalba. Hermann Schiavone fakkar kif dan il-Gvern lin-nies ta’ Birżebbuga injorahhom u ħallielom dik li qabel l-elezzjoni kien iddeskriva bħala fabbrika tal-kanċer. “Mhux ta’ b’xejn li s-Sindku u kunsilliera tal-lokalita’ ma jridux jerġaw jikkonestaw u jkunu kompliċi ma’ dak li qed jagħmel lir-residenti l-Prim Ministru Joseph Muscat. Il-Partit Laburista qed jieħu l-vot tal-Laburisti for granted, imma dawn jinsabu dispjaċuti,” saħaq Hermann Schiavone.
Damien Spiteri – kandidat għall-Munxar u x-Xlendi
Kunsill Lokali tal-Munxar u x-Xlendi b’maggoranza Nazzjonalista matul il-ħidma tiegħu gawda minn kważi €750,000 f’fondi tal-Unjoni Ewropa u gawda minn bidla għall-aħjar. Imma dan mhux bizzejjed, saħaq Damien Spiteri, li kompla li rridu nxammru l-kmiem u nkomplu naħdmu biex verament ir-residenti jiedu dak li jixirqilhom. Kompla li hu jħoss ħeġġa kbira bħala żagħżugħ u kandidat tal-Partit Nazzjonalista. Qal li kien għalhekk li bl-enerġija li għandu jrid ikompli jibni fuq il-ħidma ta’ kunsilli preċedenti.
Ivan Bartolo – kandidat għall-Mosta
“Il-politiċi jkunu kkritikati li jduru lir-residenti qabel elezzjoni, għall-vot biss,” saħaq Ivan Bartolo li fakkar kif fl-aħħar xhur smajna ħafna kliem minn dawk li qed igawdu, li jippruvaw ibellawha lin-nies li Gvern Laburista qed jimxi tajjeb. Imma staqsa min se jemmen dan il-kliem sabiħ u ideali, meta l-għodda bazika fid-demokrazija, il-vot, kien se jiġi pospost. Kompla li Gvern Laburista ried ineħħi l-vot, dak li jagħmilna ndaqs u jtina s-saħħa, imma l-Gvern li jisma’ kien se jipposponieh bħallikieku l-votanti huma ħmir.
Noel Galea – kandidat għal Ħaż-Żebbuġ
Gvern Laburista qed jippermetti li jsiru ħafna inġustizzji. Minn naħa l-oħra l-Partit Nzzjonalista qiegħed u jrid ikompli juri li jemmen fil-ġustizzja, qed nikkririkaw fejn hemm bżonn għax jinteressah mill-poplu u dak li jixtieq. Noel Galea fisser il-vot tal-Maltin u Għawdxin lil nies minn kull qasam tas-soċjeta’ bħala l-aqwa arma li l-Partit Nazzjonalista jista’ jingħata biex ikompli bil-ħidma tiegħu. Semma’ li l-Gvern Laburista qed jaħdem bħal romblu, jgħaddi minn fuq kulħadd, waqt li l-Partit Nazzjonalista qed idur lejn il-poplu biex jaħdem miegħu u jwettaq bidla.
Antonello Cuschieri – kandidat għall- Ħamrun
Fid-diskors tiegħu Antonello Cuschieri tkellem dwar waħda mill-iktar esperjenzi riċenti għalih, tiegħu fejn flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busttil żar konvenzjoni mtella’ miż-żgħażagħ fl-Universita’ ta’ Malta. Qal li din kienet wirja ta’ opportunitajiet li l-Partit Nazzjoalista ħoloq u li hu propju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-poplu biex juża l-vot biex għalhekk ikun jista’ jagħmel iktar differenza. Fisser b’dispjaċir li maġġoranza Laburista fil-Ħamrun mhux tindirizza l-problemi fil-lokalita’ u fetaħ ferita għall-Ħamruniżi b’telqa kbira.
Rita Muscat – kandidata għan-Nadur
Il-Partit Nazzjonalista affaċċja l-isfidi biex minkejja li mill-Oppożizzjoni jkompli jagħmel differenza. Kliem il-kandidata Rita Muscat li qalet li s-sejha li tkun ta’ servizz aċċettatha wara li Gvern Laburista qal li kellu vizjoni, imma fil-verita’ għal Għawdex għamel biss gimmicks, kuntrarju għall-priorita’ li dejjem ta Partit Nazzjonalista għal Għawdex. Minkejja li fl-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista baqa’ jagħti din l-importanza u waqqaf policy fora dedikata għal Għawdex.
Dorian Sciberras – kandidat għall-Iklin
Dorian Sciberras fisser is-slogan Nagħmlu Differenza bħala slogan ideali li jirrifletti mhux biss il-passat, bil-Partit Nazzjonalista li waqqaf il-Kunsilli Lokali imma wkoll rifless ta’ dak li jixtieq iwettaq fil-futur. Tkellem dwar il-ħidma tal-Kunsill Lokali, li tmiss il-ħajja ta’ kuljum ta’ kull lokalita’ u resident u qal li hu propju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jrid iħares lejn il-futur b’determinazzjoni u kuraġġ.
Matthew Paris – kandidat għall-Floriana
Matthew Paris fisser lill-Partit Nazzjonalista bħala partit li fil-passat offra dak li qed igawdu ż-żgħażagħ bħalu u li għalhekk ħass li kien imiss lilu li jagħti lura lis-soċjeta’ permezz tal-kandidatura tiegħu. Fakkar kif il-Partit Nazzjonalista mmexxi mill-Kap Simon Busuttil ta importanza lill-Floriana, minkejja li hi lokalita’ żgħira u li allura tista’ titqies bħala insinifikanti politikament. Għalhekk kompla li flimkien ma’ sħabu jixtieq li anke hu jagħmel bidla għall-aħjar fil-lokalita’.
Ian Spiteri – kandidat għal Ħal Balzan
“Meta aċċettajt li nikkonesta mal-Partit Nazzjonalista, sibt min ħeġġiġni ma nihux dan il-pass,” irrakkonta Ian Spiteri, li madankollu wiegħed il-lealta’ tiegħu lejn il-Partit Nazzjonalista. Hu dar lejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u rringrazzjah talli kuntrarju għall-Kaptan tal-Costa Concordia poġġa idu fuq it-tmun u ggwida lill-Partit Nazzjonalista fl-iktar żmien diffiċli tiegħu. “Mill-politika ma rrid jew nippretendi xejn imma qiegħed hawn biex naċċerta li l-vuċi ta’ kulħadd tinstema’ u biex kemm jista’ jkun malajr il-Partit Nazzjoanlista jiggverna.
Preżenti għal dan il-kunsill ġenerali kien hemm ukoll l-eks Presidenti tal-Kumitat tal-Partit Laburista f’Ħal Kirkop, Richard Sammut.
//= $special ?>