Lokali

Il-GWU tirtira d-direttivi fil-Freeport

Minn informazzjoni li kiseb maltarightnow.com, il-GWU irtirat id-direttivi tagħha fil-Freeport u x-xogħol mistenni jirritorna għan-normal fl-4p.m.

Ilbierah il-GWU ordnat work to rule u go slow wara kwistjoni industrjali mal-Freeport dwar ir-rikonoxximent. Id-direttivi tal-GWU minnufih ġabu l-kundanna tal-kumpanija li tmexxi l-Freeport – il-Malta Freeport Terminals Limited, li bagħtet ittra lill-General Workers Union u li fiha kitbet li l-azzjonijiet industrijali mill-GWU huma prematuri, eċċessivi u mhux neċċessarji.

Malta Freeport Terminals qalet li meta l-GWU ressqet talba biex isir proċess ta’ verifika ta’ liema union tgawdi l-maġġoranza mill-impjegati tal-kumpanija, il-kumpanija ħadet azzjoni immedjata tant li kienet saret laqgha mal-union. Qalet ukoll li izda, dakinhar il-GWU kienet iddikjarat li ma kinitx komda taċċetta proċedura ta’ verifika stabbilita għar-raġunijiet tagħha.

Il-kumpanija irriservat id-dritt li tfittex lill-GWU ghad-danni.

Min-naħa tagħha, f’konferenza tal-aħbarijiet barra l-Freeport, is-Segretajru Ġenerali tal-GWU Tony Zarb qal li mhux aċċettabbli li jsir theddid lill-ħaddiem biex ma jissieħbux fil-GWU izda jirritornaw fil-UHM. żied jgħid li l-GWU għandha l-provi li l-maġġoranza tal-madwar 500 ħaddiem tal-Freeport huma membri tagħha.