Internazzjonali

Il-marda misterjuża tal-irqad fil-Każakistan “tista’ tinfirex”

Professur ewlieni Russu, li qed jinvestiga l-kaġun tal-‘marda’ misterjuża li qed traqqad għal ħin twil mijiet ta’ residenti fit-tramuntana tal-Każakistan, qal li jemmen li l-marda tista’ tinfirex waqt li ammetta li x-xjentisti għadhom s’issa ma jafux x’qed jikkawżaha.

It-twissija tiegħu ħarġet hekk kif ir-residenti ta’ Kalachi ntlaqtu għad-disa’ darba din il-ġimgħa. Dawk li qed jiġu affettwati b’din il-marda qed jispiċċaw jorqdu f’daqqa waħda, ikun xi jkun il-ħin tal-ġurnata jew il-lejl, u ħafna minnhom jispiċċaw jibqgħu reqdin għal numru ta’ ġranet. Meta jqumu, ħafna qed jirrappurtaw ngħas qawwi u oħrajn alluċinazzjonijiet li jwerwruhom waqt li kulħadd ibati minn sturdament, dgħufija u nuqqas ta’ koordinazzjoni li mbagħad jinbidlu f’uġiegħ qawwi ta’ ras u kull tant, iktar irqad.

L-ewwel każijiet kienu ġew innutati f’Marzu tal-2013 u s’issa laqtu lil almenu 150 persuna differenti.

Il-professur Leonid Rikhvanov, li ilu erba’ snin jistudja l-inħawi, qal li l-persuni li jkunu nħakmu minn din il-marda, qed ikun impossibbli li dawn jitqajmu fl-ewwel ġurnata li jkunu raqdu. Qal ukoll li l-effetti fit-tul ta’ din il-marda għadhom mhux magħrufa.

Rikhvanov jaħseb li l-marda għandha l-għeruq tagħha fil-mini tal-uranju li hemm fl-inħawi, li minnhom qed joħroġ gass partikolari. Qal li jekk it-teorija tiegħu hi korretta, din il-marda tista’ tinfirex mad-distrett kollu.