Internazzjonali

Il-prezz taż-żejt jieħu daqqa oħra ‘l isfel fl-Istati Uniti u bir-rigs qed jonqsu

Il-prezzijiet taż-żejt fl-Istati Uniti reġgħu naqsu b’mod sinifikanti fl-aħħar tal-ġimgħa, bil-valur tad-dollaru qed jiżdied b’konsegwenza tal-istatistika inkoraġġanti mill-qasam tax-xogħol.

Dan meta l-Brent – il-kriterju globali stabbilit għall-prezzijiet taż-żejt – kien indikat mas-$60.31 il-barmil wara tnaqqis ta’ 17 il-ċenteżmu fuq il-prezz ta’ nhar il-Ħamis.

Il-prezzijiet taż-żejt, illum, huma anqas min-nofs l-ammont irreġistrat f’Ġunju li għadda, bil-ħażniet tar-riżors qed jakkumulaw fl-Istati Uniti. Minħabba din is-sitwazzjoni, l-industrija taż-żejt qed tippjana l-qtugħ u t-tnaqqis fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni.

It-tnaqqis irranka wara li l-kumpannija Baker Hughes Inc. (li toffri s-servizzi liz-zoni li jipproduċu ż-żejt) qalet li r-rigs li qed iħaffru għar-riżors fl-Istati Uniti, fl-aħħar ġimgħa, naqsu b’64 u meta issa ‘fadal biss’ mad-922.  Dan, fil-fatt, hu l-iżgħar numru ta’ rigs ‘effettivi’ minn April tal-2011 u li jirrifletti xejra li baqgħet konsistenti għal 13 il-ġimgħa konsekuttivi.