Internazzjonali

It-taħditiet dwar il-Libja jirreġistraw progress, skont in-NU

In-Nazzjonijiet Uniti faħħret il-mod kif għaddejjin it-taħditiet mal-gruppi tal-ġellieda rivali tal-Libja u sostniet li sar il-progress. Dan meta d-delegati Libjani se jirritornaw, nhar l-Erbgħa, fil-Marokk għal aktar negozjati u wara konsultazzjonijiet li jridu jsiru fil-Libja għat-twaqqif ta’ Gvern Libjan għall-għaqda nazzjonali.

Il-Mexxejja tal-Punent qed jappoġġjaw dan id-djalogu bħala l-uniku mezz biex jintemm il-kaos tal-Libja fejn iż-żewġ Gvernijiet rivali u l-gruppi armati li qed jappoġġjawhom jinsabu għaddejjin bil-battalji għall-kontroll tal-pajjiż.

F’din is-sitwazzjoni, il-gruppi tal-militanti Iżlamiċi, inklużi it-terroristi tal-ISIS, qed jokkupaw numru ta’ zoni fil-Libja, bl-industrija taż-żejt tkun mira ewlenija għall-ISIS.

It-taħditiet li qed tappoġġja n-Nazzjonijiet Uniti huma intiżi għal Gvern tal-għaqda li jġib lura l-istabbilita fil-Libja minbarra li jħares waqfien mill-ġlied effettiv. Intant, il-gruppi rivali Libjani għadhom jiffaċċjaw id-diżgwid intern dwar in-negozjati, bil-ġlied qed ikompli.

Ir-rappreżentanti tan-naħat Libjani iltaqgħu flimkien, fil-Marokk, għall-ewwel darba u wara li fir-rounds preċedenti tat-taħditiet kienu ltaqgħu, separatament, mad-delegati tan-NU. Qabel jirritornaw fil-Marokk għal aktar taħditiet, id-delegati tal-entitajiet Libjani rispettivi jridu jiddiskutu l-proposti mas-sostenituri tagħhom fil-Libja.

Min-naħa tiegħu, ir-Rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti, Bernardino Leon, enfasizza mill-ġdid l-importanza u s-sinifikat ta’ dawn it-taħditiet.