Internazzjonali

Offensiva fuq il-Boko Haram fin-Niġerja

Il-qawwiet tan-Niġer u ċ-Chad bdew offensiva tal-art u mill-ajru kontra l-militanti tal-grupp Boko Haram fl-artijiet lejn il-Grigal tan-Niġerja.

Mifhum li l-kampanja militari hi diretta kontra l-militanti fl-Istat ta’ Borno u wara li messaġġ li ntbagħat fuq Twitter, fi tmiem il-ġimgħa, sostna li l-Boko Haram riedu jesprimu lealta għat-terroristi tal-ISIS li qed jokkupaw ir-reġjuni tal-Iraq, is-Sirja u l-Libja.

Il-messaġġ qed jingħad li twassal mill-Kap tal-Boko Haram innifsu, Abubakar Shekau li sejjaħ biex ‘il-Musulmani kullimkien jaħlilfu lealta lill-Kap tal-ISIS, Abu Bakr al-Baghdadi’.

Madankollu, uffiċjali fin-Niġerja m’humiex jieħdu bis-serjeta din l-istqarrija tal-Boko Haram u qalu li ‘l-allegata allenza ta’ dawn il-militanti mal-ISIS kienet sempliċi reazzjoni għall-pressjoni militari fuq l-istess Boko Haram min-naħa tan-Niġerja u l-alleati tagħha.’

Il-Boko Haram ilu mill-2009 jiġġieled biex iwaqqaf Stat Iżlamiku fin-Niġerja u fl-aħħar xhur il-vjolenza qed tmiss ukoll it-territorji taċ-Chad u n-Niġer.