Lokali

“Qed niġru maratona u se naslu” – Simon Busuttil

Il-Partit Nazzjonalista qed jiġri maratona u lest jegħleb l-ostakli kollha biex jasal. Il-Partit Nazzjonalista jrid ikun sors ta’ ispirazzjoni, ta’ entużjażmu, u ta’ onestà biex in-nies jingħaqdu mal-partit f’din il-maratona u naslu flimkien.

Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista fid-diskors tiegħu fi tmiem il-Kunsill Ġenerali bit-tema ‘Naghmlu Differenza’.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jaħhmel differenza mill-Oppożizzjoni u se jkun jista’ jagħmel differenza ikbar jekk ikun fil-Gvern, saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni elenka numru ta’ drabi fejn l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għamlet differenza – meta l-Oppożizzjoni wasslet lill-Gvern biex jibdel il-liġi taċ-ċittadinanza għal tliet darbiet, meta l-Oppożizzjoni sostniet li għandhom isiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, fl-insistenza tagħha biex jitnaqqas il-prezz tal-petrol u d-diesel, u meta l-Oppożizzjoni rnexxielha tneħħi lill-iktar Ministru b’saħħtu fil-Gvern Laburista mill-kariga tiegħu.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar l-ewwel sentejn tal-Gvern Laburista u qal li dawn is-sentejn jixhdu li l-kelma tal-Prim Ministru ma tiswa xejn kif tixhed ċar il-wegħda tal-Prim Ministru li se jlesti l-Powerstation fi żmien sentejn.

Simon Busuttil iffoka d-diskors tiegħu fuq l-iskandlu tal-Cafe Premier u qal li dan il-każ juri li l-Prim Ministru kien involut direttament mingħajr ma involva lill-Kummissarju tal-Artijiet.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jekk dan il-ftehim kien verament żball, kif iddikkjara Joseph Muscat, huwa qed jisfida lil Prim Ministru biex ma jibqax iħallas il-bqija tal-flus li għad iridu jitħallsu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fl-istess nifs li Joseph Muscat qed jgħid li ried jixri l-Cafe Premier minħabba li kien hemm ċilindru tal-gass, li wara ħareġ li ma kienx jeżisti, Muscat mhux qed jiddejjaq li jitfa’ tanker bil-gass f’nofs Marsaxlokk. U fl-istess nifs li Joseph Muscat qed jgħid li ried jagħlaq il-każ tal-Cafe Premier biex ma jidħolx il-qorti, qed jagħżel li jibqa’ jtawwal il-kawża biex il-Partit Nazzjonalista jirbaħ iż-żewġ siġġijiet tieghu fil-Parlament.

Simon Busuttil silet id-differenza bejn il-politika ta’ Joseph Muscat li jara x’jaqbillu u l-politika ta’ Simon Buusttil li jqis x’inhu sewwa. “L-Oppożizzjoni għandha tkun magħrufa bħala l-Partit tas-Sewwa”, saħaq Simon Busuttil.

Huwa hekk biss, temm id-diskors tiegħu Simon Busuttil, li l-poplu jista’ jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista f’din il-maratona biex naslu lkoll flimkien.