Attivisti li qed jaħdmu għall-ġustizzja soċjali ħeġġew biex il-politiċi fir-Renju Unit jitkellmu kontra l-abbużi tad-drittijiet umani li qed isiru kontinwament fl-Azerbaijan.
Dan meta l-ġurnalista Azeri, Khadija Ismayilova, qalet li l-politiċi Britanniċi ‘qed iżommu l-aktar kwieti’ rigward l-abbużi inkwistjoni li qed isiru f’pajjiżha fejn il-Gvern tal-President, Ilham Aliyev, qed iżomm numru ta’ priġunieri politiċi fost il-kampanji sistematiċi ta’ ripressjoni.
Ismayilova, li hi ġurnalista investigattiva rinomata, f’Diċembru, spiċċat arrestata fl-Azerbaijan fuq akkużi li ppruvat tipperswadi kollega biex jikkommetti suwiċidju. Iżda l-organizzazzjonijiet favur id-drittijiet umani kkritikaw l-akkużi miġjuba kontra tagħha bħala infondati u mingħajr bażi.
Din il-ġurnalista, li bejn l-2008 u l-2010 mexxiet is-servizzi Azeri ta’ ‘Radio Free Europe/Radio Liberty’, kitbet sensiela ta’ artikli li jitrattaw il-korruzzjoni istituzzjonalizzata fl-Azerbaijan. Ir-rappurtaġġ inkwistjoni ħoloq kontroversja kbira peress li jsemmi b’mod espliċitu lill-President Aliyev, flimkien ma’ martu, Mehriban Aliyeva, u uliedhom bħala ‘parteċipi fil-korruzzjoni’.
Il-Gvern ta’ Baku ma kkummenta qatt dwar dawn ir-rapporti, b’żewġ artikli ta’ Ismayilova jintgħażlu bħala l-aqwa rapporti investigattivi tal-2010 u l-2011 minn Radio Free Europe/Radio Liberty.
Sadanittant, l-attivisti, b’mod partikolari dawk ma’ ‘Platform London’ – entita fil-kapitali Britannika li ssostni l-proġetti favur il-ġustizzja soċjali – talbu lid-deputati parlamentari Britanniċi biex jiffirmaw mozzjoni ħalli l-Gvern tal-Azerbaijan jeħles lil Ismayilova u l-priġunieri politiċi l-oħra f’artu. L-attivisti ħeġġew ukoll biex il-Gvern ta’ Aliyev jirrispetta l-kriterji internazzjonali li jirrigwardaw id-drittijiet umani.
L-Azerbaijan, f’Ġunju, se jorganizza l-Olimpjadi Ewropej u l-attivisti favur id-demokrazija qalu li r-reġim ta’ Aliyev hu ‘ddisprat’ biex jikseb il-massimu tal-pubbliċita mill-avveniment, minkejja l-problemi ekonomiċi serji għal pajjiżu.
F’sinjal ieħor ta’ disperazzjoni l-Azerbaijan qed iħallas lill-atleti biex jattendu u din hi l-ewwel darba li pajjiż li qed jorganizza dan il-logħob qatt ħallas lill-kompetituri biex jieħdu sehem.
Waqt it-tħejjijiet għall-Olimpjadi, l-awtoritajiet Ażeri arrestaw numru ta’ attivisti, ġurnalisti u avukati biex iżommuhom kwieti. Ħafna mill-arrestati qed jinżammu fuq akkużi ferm dubbjużi u meta huma, fiċ-ċirkostanzi, kapaċi jinżammu fi stat ta’ priġunerija għal talanqas għaxar snin.
//= $special ?>


