Internazzjonali

Arrestati f’Ruma wara li naqqxu l-inizjali ma’ ħajt tal-Kolossew

Żewġ turisti Amerikani, it-tnejn nisa, kienu arrestati, f’Ruma, talli naqqxu l-inizjali tagħhom ġo ħajt tal-Kolossew.

Qabel inqabdu, in-nisa, ta’ 21 u 25 sena, kienu użaw munita biex inaqqxu l-inizjali ‘J’ u ‘N’ fil-ġebla ta’ ħajt fuq in-naħa tal-Punent tal-bini storika. In-nisa anki laħqu jippużaw flimkien għal ‘stessu’ bl-inizjali ( fil-ħajt) bħala sfond.

In-nisa huma biss tnejn fost is-sitt miljun turist li jżuru l-Kolossew kull sena, bir-rapporti jgħidu li huma, ‘diversi drabi’, kienu nqatgħu mill-membri l-oħrajn tat-tour group, fil-kapitali Taljana. Kienu, fil-fatt, turisti oħrajn li ġibdu l-attenzjoni tal-membri tas-sigurta wara li raw lin-nisa qed inaqqxu l-inizjali fil-ġebla tal-ħajt.

L-awtoritajiet, aktar tard, akkużaw lin-nisa dwar ‘ħsara aggravata’ fuq bini ta’ importanza storika u artistika; bl-Amerikani jitolbu skuża lill-pulizija ta’ Piazza Dante u jsostnu d-dispjaċir tagħhom ‘anki jekk ma immaġinaw qatt li dak li għamlu kienet xi ħaġa daqshekk serja’.