Lokali

Barrani arrestat wara sejba ta’ aktar minn 140 grossa tas-sigaretti bil-kutrabandu

Barrani residenti Malta kien arrestat mill-Pulizija lbieraħ wara li nstab li fil-vettura tiegħu kellu aktar minn 140 grossa sigaretti bil-kutrabandu. Is-sejba saret fiż-żona ta’ Birżebbuġa wara li persuna jew persuni mhux magħrufa għamlu kuntatt mal-Pulizija dwar aġir suspettuż minn vettura b’numru ta’ reġistrazzjoni barrani.

Wara li segwew lill-barrani, il-Pulizija sabu l-grosos tas-sigaretti, b’sid il-vettura jiġi arrestat għal aktar investigazzjonijiet. MaltaRightNow.com jinsab infurmat li l-Pulizija għamlu tfittxija wkoll fir-residenza tal-barrani, fejn anke hemm instabu xi sigaretti oħrajn tal-kutrabandu.

Hu mifhum li l-vettura u s-sigaretti ngħaddew lill-Uffiċjali tad-Dwana għal aktar stħarriġ, filwaqt li l-barrani nżamm taħt arrest u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.