Qorti

Furjaniż mixli li stupra lil martu f’Għawdex

Raġel ta’ 54 sena mill-Floriana, li ismu ma jistax jixxandar biex tiġi protetta l-identità ta’ martu, ġie mixli quddiem il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri li stupra lil martu f’Għajnsielem, Għawdex.

Ir-raġel tressaq fil-Qorti tal-Maġistrat ta’ Għawdex peress li allegatament il-każ seħħ f’residenza f’Għajnsielem aktar kmieni dan ix-xahar. Huwa ġie mixli wkoll li kkorrompa lill-istess mara u li żammha kontra l-volontà tagħha.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u ngħata l-libertà fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegata vittma, kif ukoll li ma jixxandrux l-ismijiet tal-mara u tar-raġel.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Frank Tabone.