Internazzjonali

Ġellieda Kurdi f’offensiva oħra fuq l-ISIS

Il-qawwiet ‘Peshmerga’ tal-Kurdi wettqu offensiva fuq it-terroristi tal-ISIS fil-provinċja ta’ Kirkuk, fl-Iraq, u fejn qed jingħataw appoġġ mill-qawwiet tal-ajru Amerikani.

Il-provinċja ta’ Kirkuk hi sinjura fiż-żejt, bir-rapporti jgħidu li l-ġellieda Kurdi qed javvanzaw fuq ‘front tal-gwerra’ lejn il-Lbiċ tal-kapitali provinċjali.

Sadanittant, l-ISIS ukoll bagħtu l-ġellieda tagħhom biex jitfgħu lura l-qawwiet Iraqqin li qegħdin jattakkaw Tikrit; il-belt fejn kien trabba l-eks-dittatur Iraqi, Saddam Hussein, u li llum hi okkupata mit-terroristi. Dan meta l-milizzji Xiti qed jgħinu lit-truppi Iraqqin fil-kampanja biex jieħdu lura l-inħawi ta’ Tikrit.

Uffiċjali militari mill-Iran — li l-Gvern tiegħu qed jappoġġja lill-milizzji kontra l-ISIS fit-territorji Iraqqin — ukoll qed jieħdu sehem fil-kampanja militari kontra dawn it-terroristi f’Tikrit.