Lokali

Giovanna Debono tiċħad bil-qawwa kollha kull allegazzjoni

Fi stqarrija id-Deputat Parlamentari Giovanna Debono ċaħdet kategorikament u bil-qawwa kollha dak kollu allegat dwarha.

Giovanna Debono qalet li hi tiċħad “kategorikament u bil-qawwa kollha dak kollu allegat fuqi, li qed jintuża b’mod partiġġjan u għal xi raġunijiet ulterjuri ta’ Joseph Muscat”.

Dan għamlitu b’referenza għal dak li qed jiġi allegat fuq Giovanna Debono minn ċertu sezzjoni tal-media u mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Id-Deputat Giovanna Debono qalet fi stqarrija li “fid-dawl tal-fatt li dak allegat fuqi qed jiġi użat politikament. Jiena għalhekk qiegħda niddefendi ismi, l-istess kif qiegħed jagħmel ir-raġel tiegħi”.

Giovanna Debono qalet li hi lesta tirrepeti dan taħt ġurament u lest li tikkopera b’kull mod ma’ kull investigazzjoni li qegħda ssir.

Hi sostniet fl-istqarrija, li flok jipponta subajh lejja, Joseph Muscat messu jħares lejn is-swaba li qed jippuntaw lejh fl-iskandlu li kien involut hu personalment tal-Cafe’ Premier.