Lokali

Il-Gvern għandu f’idu il-lista tal-iswissleaks

L-awtoritajiet Maltin għandhom f’idejhom il-lista bl-ismijiet ta’ Maltin b’kont fil-Bank Żvizzeru tal-HSBC. Dan ħabbru l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, li matulha qal ukoll li l-proċess biex il-Gvern ikollu l-lista bl-ismijiet beda xahar ilu meta l-Prim Ministru kellu laqgħa mal-President Franċiż Francois Hollande.

Din kienet l-ewwel darba li saret din it-talba mill-Gvern Malti, b’Muscat isostni wkoll li l-lista għand l- awtoritajiet Franċiżi ilha lesta mill-2010. Il-Prim Ministru qal li hu talab biex issir investigazzjoni fuq kull każ mill-Kummissarju tat-Taxxi Interni. Talab ukoll biex ikollu aċċess għall-ismijiet li huma f’din il-lista, li huma politically exposed, bħal Ministri, eks Ministri u anke qraba tagħhom.

Joseph Muscat qal li, bħala Prim Ministru, hu m’għandux aċċess għal-lista. Madankollu, wara li ssir l-investigazzjoni kollha min-naħa tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni, il-Kummissarju għandu jikkomunika mal-Prim Ministru l-ismijiet ħalli minn hemm jittieħdu l-passi meħtieġa. Dan ifisser li jistgħu wkoll jintalbu riżenji fejn hemm bżonn, inkella jittieħdu passi oħrajn fil-konfront tal-persuni involuti.

Il-Prim Ministru qal li mhux kulmin hu fuq il-lista jista’ jkun qed jagħmel xi att illegali għax jista jkun li xi ħadd ikollu flus fl-HSBC ta’ Ġinevra u jkun qed jiddikjarahom. Ħabbar ukoll li wara li jkun sodisfatt bil-miżuri kollha li jittieħdu, ikun lest iħabbar l-ismijiet fuq din il-lista.