Lokali

Il-ħaddiema maħtufa fil-Libja jaħdmu għal kumpanija bbażata f’Ħal Qormi

Disa’ ħaddiema ta’ kumpanija taż-żejt li nħatfu fil-Libja mill-militanti qrib l-Istat Iżlamiku jaħdmu għal kumpanija bbażata f’Ħal Qormi.

Il-ħaddiema, mill-Awstrija, mir-Repubblika Ċeka, mill-Filippini, mill-Bangladexx u minn pajjiż ieħor Afrikan, inħatfu mill-militanti mill-bażi f’al-Ghani nhar il-Ġimgħa li għadda.

Huma ħaddiema tal-kumpanija Value Added Oilfield Services (VAOS), li għandha l-uffiċċju tagħha fi Triq il-Mitħna f’Ħal Qormi.

L-ambaxxata Awstrijakka kkonfermat il-ħtif tagħhom waqt li qalet li mill-informazzjoni “sikura” tagħha, jidhru li d-disa’ persuni kienu ħajjin meta nħatfu u ma kellhom ebda ġrieħi. Lil Times of Malta, kelliem għall-kumpanija qal li ħadd mill-ħaddiema ma miet jew weġġa’ waqt il-ħtif. Qal ukoll li l-kumpanija qed tagħmel dak kollu possibbli biex tidentifika fejn jinsabu l-ħaddiema.