Internazzjonali

IL-LIBJA: Rapporti ġodda ta’ qtugħ tal-irjus ta’ ostaġġi

Feġġew rapporti ta’ qtugħ tal-irjus ta’ ostaġġi oħra mill-ISIS fil-Libja.
Jidher li tmienja mill-11-il gwardjan li nqatlu fl-attakk ta’ nhar il-Ġimgħa kontra l-bir taż-żejt ta’ Al Ghani, barra Sirte, spiċċaw b’rashom maqtugħa barra. Jidher li l-attakk tal-ISIS fuq Al Ghani kien wieħed qalil ħafna u issa sar magħruf li tmint irjus tal-għassiesa ta’ Al Ghani ntbagħtu lil sptar lokali.
Ahmed al-Mesmari, kelliem għall-Armata Libjana, qal li l-qtugħ tal-irjus seħħ quddiem l-impjegati l-oħra tal-impjant miżmuma ostaġġi u kien hemm persuna li mietet kawża ta’ attakk tal-qalb waqt l-eżekuzzjonijiet. Fi Frar kien hemm tliet Filippini oħra li nħatfu imma s’issa ma nstema’ xejn aktar dwarhom.
Dan l-attakk f’Al Ghani kien parti minn offensiva tal-ISIS il-ġimgħa li għaddiet fil-Libja kontra l-industrija taż-żejt Libjana. L-offensiva wasslet biex 11-il bir taż-żejt fil-Libja ngħalqu bħala prekawzjoni.