Lokali

Il-monument ta’ Ġorġ Borg Olivier ‘mgħallaq’ f’garaxx ta’ Dipartiment taħt ir-responsabbiltà tal-OPM

Il-monument tal-eks Prim Ministru u l-politiku li kiseb l-Indipendenza ta’ pajjiżna, Ġorġ Borg Olivier, bħalissa jinsab miżmum f’garaxx fil-Furjana, ‘mgħallaq’ u b’karozza pparkjata kważi tmiss miegħu.

Is-sit tal-aħbarijiet ta’ The Malta Independent ippubblika ritratti li ntbagħtul minn qarrej u li juru kif il-monument li tneħħa mill-Pjazza ta’ Kastilja issa jinsab marbut b’ħabel f’garaxx, li s-sit elettroniku identifika bħala parti minn Dipartiment li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru (OPM).

Il-monument tal-eks Prim Ministru tneħħa minn postu l-ġimgħa li għaddiet biex eventwalment jitqiegħed f’nofs il-Pjazza ta’ Kastilja. Madankollu, minflok ma tqiegħed f’xi post pubbliku ieħor, kif normalment jiġri, dan tqiegħed fil-garaxx ta’ Dipartiment tal-Gvern.

Fis-snin li għaddew, kienu bosta dawk li kkritikaw lill-Gvern Nazzjonalista għax monument tneħħa mill-Pjazza ta’ quddiem il-Palazz biex ikun jista’ jsir il-proġett ta’ Pjazza San Ġorġ. Dan minkejja li ċ-ċaqlieq ta’ dak il-monument kien sar b’mod dinjituż għal Ġnien Hastings.

F’dan il-każ, mhux magħruf min ħa d-deċiżjoni li monument li jsellem lil eks Prim Ministru jitqiegħed ‘mgħallaq’ f’garaxx ta’ Dipartiment li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.