L-azzjonijiet tal-GWU fil-Freeport huma illegali, u l-illegalità ma għandha qatt tkun ippremjata, ġejja minn fejn ġejja.
Dan intqal ilbieraħ fi stqarrija tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM). L-istqarrija tgħid li l-azzjoni industrijali li ġiet ordnata mill-GWU fil-Freeport saret bi ksur tal-ftehim kollettiv, u li setgħet ipperikolat l-impjieg lill-ħaddiema tal-istess Freeport.
Il-GWU ippruvat tieħu r-riedni f’idejha u tuża dawn l-azzjonijiet industrijali llegali biex tiddetta meta u kif għandha ssir il-verifika u minn min issir din il-verifika.
Il-UĦM tgħid li l-GWU, saħansitra, mhux qed taqbel ukoll mal-proċess tar-rikonoxximent tant li trid eżerċizzju kif ikun jaqbel lilha biss. Il-UĦM ma tippermettix li xi ħadd jieħu r-riedni f’idejh u jiddetta kif, meta u min għandu jagħmel il-verifika.
Il-UĦM issostni fermament li hi għadha l-Union rikonoxxuta u li sakemm dan ikun il-każ, hi għandha d-dritt li tkun mgħarrfa u kkonsultata b’dak kollu li jkun qed jiġri.
//= $special ?>