Lokali

Is-Sindku Raymond Tabone jgħajjar lir-residenti ‘annimali’

Is-Sindku Laburist ta’ San Pawl il-Baħar Raymond Tabone u impjegati oħra tal-Kunsill Lokali fl-aħħar jiem infexxew f’serje ta’ attakki fuq residenti li lmentaw minn nuqqasijiet li r-rappreżentanti tagħhom għal-lokalita’ baqgħu ma rranġawx.

Resident imgiddeb u oħrajn mgħajjra ‘annimali’

Resident li lmenta li kuntrattur fi Triq Jean De La Valette kisser il-katusi biex jirranġa l-bankina, spiċċa mgiddeb mill-eks Kunsillier Laburista ta’ San Pawl il-Baħar Jason Camilleri, minkejja li akkumpanja l-kumment tiegħu b’ritratt li jixhed dan.

F’post fuq il-grupp tal-lokalita’, dan ir-resident wera’ t-tħassib tiegħu li dawn il-pajpijiet li minnhom kien joħroġ l-ilma tax-xita mir-residenzi, issa se jitħallew hekk.

Kompla li jekk dan iseħħ, tkun sitwazzjoni katastrofika. Filfatt ma’ dan l-ilment kompla resident ieħor li qal li persuni li jkunu għaddejjin miż-żona jew karozzi li r-residenti joħorġu mill-garaxxijiet tagħhom qed iħallu marki fil-konkrit li sar bħala parti mill-proġett.

Imma pront qabeż Jason Camilleri, skrivan u xufier tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li fl-aħħar jiem kien fl-aħbarijiet għax qed itella’ ammont kbir ta’ overtime biex iwassal lis-Sindku Raymond Tabone bil-karozza tal-kunsill anke’ għal attivitajiet privati.

Il-kumment ta’ Camilleri kien wieħed qasir, fejn ipprova jpinġi lil dan ir-resident bħala giddieb … minkejja li r-ritratt juri mod ieħor.

Kummenti San Pawl

Immedjatament wara dan l-episodju, il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista Graziella Galea intervjeniet u kkuntattjat lill-kuntrattur li wiegħed li se jirranġa l-ħsara.

Imma sfortunatament ix-xogħol li sar tħassar hekk kif il-bankina mtliet marki tal-karozzi għaliex, kif spjegaw residenti stess, ħadd ma qalilhom minn qabel li se jsir ix-xogħol, ma sarux planki biex ir-residenti jgħaddu minn fuqhom u l-bankina tħaffret il-Ġimgħa biex ma sar xejn iktar qabel it-Tnejn ta’ wara. Dan kollu frott l-għaġġla biex il-Kunsill Lokali jidher li qed jaħdem ftit jiem qabel l-elezzjoni.

Bankina

Bankina 2

Għal dan ukol il-Kunsill irrisponda b’arroganza, bis-Sindku Raymond Tabone jgħajjar lir-residenti annimali. Dan l-episodju jkompli mal-arroganza murija minn membri tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fl-aħħar jiem.

Annimali

Is-Sindku jirreferi għal resident bħala rieqed

Imma s-Sindku Laburist ta’ San Pawl il-Baħar Raymond Tabone ma waqafx hawn u nfexx jgħajjar lir-residenti li jirrappreżenta f’episodju ieħor ta’ arroganza mill-Kunsilliera Laburisti tal-lokal.

Għal kumment ta’ resident li kkummenta dwar is-sitwazzjoni xejn pjaċevoli f’San Pawl il-Baħar u l-madwar, b’toroq imkissra, żibel mhux miġbur u mmaniġġjar tat-traffiku ineżistenti, is-Sindku xejn ma kien kumplimentuż.

Filfatt hu kkummenta u ndirizza lil dan ir-resident bħala rieqed.

Rieqed

Iktar minn hekk hu waħħal fir-residenti li fl-aħħar xhur żdied sew l-ammont ta’ skart fuq il-bankini. Waħħal ukoll fix-xita għall-ammont dejjem jikber ta’ ħofor li wieħed isib f’San Pawl il-Baħar u l-madwar.

Raymond Tabone kompla jikkummenta b’ton sarkastiku, jirreferi għar-resident bħala tifel ta’ skola u bravu bl-għan li jirridikolah.

Triq Busewdien tibqa’ fi stat diżastruż

U filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar mehdi jitfa’ l-pjanti tal-banana mal-promenade ftit jiem qabel l-elezzjoni tal-kunsilli, liema pjanti hemm ċans itiru mal-ewwel riħ, ir-residenti ta’ Triq Busewdien ta’ kuljum qed ikollhom jgħaddu minn dawn il-ħofor fondi biex jaslu sar-residenzi tagħhom.

Din it-triq tinsab fiż-żona tal-Wardija. F’laqgħa li saret fit-8 t’Awwissu li għadda, il-kunsilliera lokali qablu unanimamernt li din it-triq issir, b’parti mill-fondi jinħarġu mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, u parti oħra mill-Kumitat Amministrattiv tal-Wardija.

Madankollu minn dakinhar sa llum din it-triq intesiet, u s-Sindku qabad u ddeċieda minn jeddu li minflok issir Triq Ras il-Wied. Jidher li d-deċiżjoni ttieħdet wara pressjoni li saritlu minn residenti tal-istess triq.

Xi ġimgħat ilu, residenti ta’ Triq Busewdien ilmentaw mas-Sindku u b’arroganza hu rrispondihom li hu jiddeċiedi u huma m’għandhomx jindaħlu.

Vettura tal-Kunsill mgħobbija bil-ħmieġ quddiem bieb ir-residenti

Intant vettura tal-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar, din id-darba vann tħalla mgħobbi kollu ħmieġ u mbarazz matul il-ġurnata tal-Ħadd fi triq residenzjali, mingħajr ebda rispett għar-residenti taż-żona.

Dan il-vann xi kultant qed jitħalla pparkjat fit-triq ewlenija għal tmiem il-ġimgħa kollu mimli imbarazz u ħmieġ.

Trakk