Internazzjonali

L-UE tikkunsidra preżenza navali akbar

L-Unjoni Ewropea qed tiddiskuti man-Nazzjonijiet Uniti għall-mezzi biex isostnu s-sigurtà fil-Libja u li jistgħu jinkludu wkoll preżenza navali. Dan, intant, jiddependi mir-riżultat tat-taħditiet għall-paċi dwar il-Libja li qed tisponsorja n-NU.
Fil-preżent, l-UE għandha l-vapuri li qed iduru fil-Mediterran biex isalvaw lill-immigranti li qed jippruvaw jaħarbu mil-Libja u pajjiżi Afrikani oħra.
Iżda Federica Mogherini, li qed tmexxi l-politika barranija tal-UE, qalet li l-preżenza tal-vapuri tista’, ’il quddiem, tiżdied. Mogherini qalet li filwaqt li ddiskutew il-mezzi differenti kif l-UE tista’ tagħti l-appoġġ bil-miżuri għas-sigurtà, hemm il-possibbiltà li l-inizjattivatinkludi ‘preżenza ta’ vapuri’.
Dokument intern tal-UE kien iddiskuta l-possibbiltà li n-NATO twettaq l-ispezzjonijiet fuq il-vapuri fil-Mediterran biex issaħħaħ l-embargo fuq l-armi. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Paolo Gentiloni, qal li l-UE qed taħseb biex tirrinforza l-missjoni navali biex tgħin issalva l-immigranti mill-baħar minbarra li ssaħħaħ is-sigurtà.‘Hemm il-missjonijiet biex jevitaw it-theddid tat-terroristi u n-Navy tal-Italja qed taqdi l-impenji tagħha, meta ħafna jiddependi mis-suċċess tan-negozjati fil-Libja,’ tenna Gentiloni.