Internazzjonali

Putin jammetti dwar il-Krimea

Il-President Russu Vladimir Putin żvela l-mument li ta l-ordni sigrieta biex jingħata bidu għall-ħidma biex il-Krimea tingħaqad mar-Russja, kif ukoll kif it-truppi Russi kienu lesti jiġġieldu biex isalvaw lill-President Ukren li kien tneħħa mill-poter.
Dan joħroġ minn trailer ta’ dokumentarju fuq l-istazzjon Russu ‘Rossiya-1’ li fih Putin jitkellem dwar l-Ukrajna u l-għaqda tal-Krimea sena ilu. Iżda l-istazzjon ma qalx meta kien se jixxandar id-dokumentarju.
Putin jirrakkonta laqgħa li damet il-lejl kollu mal-kapijiet tas-servizzi tas-sigurtà biex jaraw kif isalvaw lill-eks President Ukren Viktor Yanukovych li ħarab mill-irvellijiet kontrih fi Kiev.
Il-laqgħa kienet saret fi Frar tal-2014 u erbat ijiem wara, suldati mingħajr identifikazzjoni fuqhom, ħadu l-kontroll tal-Parlament tal-Krimea u d-deputati malajr ivvutaw favur Gvern ġdid. Il-provinċja Ukrena, f’Marzu kienet dikjarata uffiċjalment parti mir-Russja.
F’dawk il-ġranet ir-Russja dejjem ċaħdet li t-truppi kienu tagħha minkejja li dan kien ovvju għall-bqija tad-dinja.
Fit-trailer tad-dokumentarju, Putin isostni wkoll li l-militar Russu kien lest jiġġieled biex jidħol f’Donetsk biex isalva lil Yanukovych, li kien qrib ħafna ta’ Moska. Putin qal li li kieku ma marrux għalih it-truppi Russi, hu kien jinqatel.
Ftit wara Yanukovych feġġ fil-belt Russa ta’ Rostov u qatt ma reġa’ lura l-Ukrajna.