Lokali

Residenti Qriema urtati għas-Sindku

Ebda tarmac, aċċess perikoluż, ebda sistemi ta’ ilma adegwati u perikli kbar għall-familji. Dawn huma l-karatterisittiċi li jispikkaw fost l-ilmenti tar-residenti ta’ Triq Gorg Mifsud Chirchop f’Ħal Qormi fejn għal diversi snin ir-residenti ressqu l-ilmenti tagħhom mal-awtoritajiet konċernati, fosthom il-Kunsill lokali ta’ Ħal Qormi, iżda s-soluzzjonijiet jidhru ferm ‘il boghod.

Il-problemi f’din it-triq li għaliha hemm aċċess perikoluz huma diversi. L-akbar problema hija dik tas-sigurta’ għat-tfal li jgħixu fit-triq, għaliex hemm artijiet mhux mibnija li huma miftuħa, migħajr ħitan li jagħlquhom. “Dan hu periklu kbir, u faċilment jaqa’ tifel għal isfel”, sostnew ir-residenti f’kummenti lil crew ta’ Net TV.

“Is-Sindku qaltilna li bagħtet ittri bl-avukat iżda aħna qatt ma rajna xejn. Iżda aħna urtati għall-attitudni tagħha. L-uniku ħaġa li għandna f’idejna hu r-rapport tal-Perit tal-Gvern li jikkonferma l-periklu li hawn.”

Preżentament hemm rapport għand il-Pulizija li jistipola illi għandha ssir pressjoni fuq is-sidien ta’ dawn l-artijiet biex iz-zoni imsemmija jingħalqu u jitneħħa l-periklu li hemm bħalissa.