Lokali

Ritratti: Karozza tinqered minn nar f’San Pawl il-Baħar

Karozza nqerdet minn nar f’każ li seħħ il-Ħadd filgħaxija, għall-ħabta tal-22:15 fi Triq Sant’Antnin, f’San Pawl il-Baħar.

Jirriżulta li n-nar beda fuq in-naħa ta’ wara tal-vettura, qrib it-tank tal-fuel. Xhud li kien għaddej mill-post fil-ħin li beda n-nar informa lill-Pulizija li maġenb il-vettura nnota raġel liebes hoodie li ħarab jiġri hekk kif din bdiet taqbad.

Immedjatament fuq il-post waslu uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija, li bl-għajnuna ta’ xi residenti pprovaw jikkontrollaw in-nar.

Fil-post waslu wkoll uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili li bl-għajnuna ta’ vettura tat-tifi tan-nar mhux biss tfew in-nar imma wkoll assiguraw li ma kienx hemm periklu. Dan għaliex maġenb il-vettura li nqerdet min-nar, kien hemm ipparkjati wkoll numru ta’ vetturi oħra.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Doreen Clarke. Il-Pulizija qed tanalizza wkoll filmati tas-CCTV minn residenza fil-qrib li allegatament turi lir-raġel li ħarab mill-post.

Il-Pulizija qed tinvestiga wkoll dan il-każ b’rabta ma’ rapport li sid il-vettura kien għamel xi jiem ilu wara argument li kellu ma’ persuni oħra, fejn ġie mhedded li se jpattiha.

Ritratti grazzi għal Josef Borg.