Lokali Parlament

Sena wara u ma jweġibx

Sena wara li tressqet mistoqsija parlamentari biex il-Ministru Konrad Mizzi jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, il-Ministru Mizzi baqa’ ma weġibx u ma tax l-informazzjoni.

Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli, irrimarkat fil-Parlament, li żewġ mistoqsijiet li saru sena ilu, għadhom mhux imwieġba, bil-Ministru jibqa’ jaħrab li jwieġeb u li jagħti l-informazzjoni.

Sena ilu, il-Ministru Konrad Mizzi kien wieġeb għall-mistoqsija dwar kemm il-direct order ingħatat mill-Ministeru, li l-informazzjoni dakinhar kienet għadha qed tinġabar.

Ix-Shadow Minister fakkret ukoll lill-Ministru Konrad Mizzi li sal-2013 kienet se titlesta l-istrateġija għall-enerġija nadifa li twassal sal-2020.

Marthese Portelli staqsiet lill-Ministru Mizzi meta se jippubblika l-pjan u x’bi ħsiebu u jagħmel il-Gvern biex jilħaq il-mira li 10% tal-enerġija li tikkonsma Malta trid tkun nadifa. Dan ukoll fid-dawl li r-rappreżentanti tal-Ministeru għall-Enerġija qalu li hemm il-ħsieb li jaqilbu mill-enerġija mir-riħ għal dik solari.

Dwar din l-istrateġija tal-Gvern u kif se jilħaq il-miri fi żmien ħames snin, is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne li kien qed iwieġeb fin-nuqqas tal-Ministru Konrad Mizzi li ntqal li kien imsiefer fuq xogħol tal-Gvern, qal li m’għandux l-informazzjoni u jirriferiha lill-Ministru.