Intlemaħ drone żgħir li għadda fuq ċentru għall-komunikazzjonijiet navali qrib Pariġi. Sforz minn ħelikopter tal-pulizija li mar fiz-zona naqas milli jinterċetta d-drone li kien qed jissorvelja l-inħawi li għandhom ċerta importanza strateġika.
Hu mifhum li, fi tmiem il-ġimgħa, id-drone għadda tliet darbiet fuq iċ-ċentru tal-kontroll ta’ Sainte-Assise, u l-każ ifakkar mill-ġdid fis-sensiela ta’ inċidenti simili bid-drones li seħħew fl-aħħar ġimgħat, fost it-tħassib tal-Franċiżi.
Il-faċilità ta’ Sainte-Assise hi waħda sensittiva u mħarsa mill-gwardjani binhar u billejl. L-istess faċilità tinkludi antenni għoljin ferm (uħud ilaħħqu sa aktar minn 200 metru) minbarra transmitter qawwi li jaċċerta l-komunikazzjoni mas-sottomarini Franċiżi li jkunu barra fuq missjonijiet ta’ ronda.
Meta tkellmet dwar l-aħħar inċident tad-drone, il-Pulizija Franċiża qalet li rnexxielha tirreġistra żewġ titjiriet u għaldaqstant mhux eskluż li, dak il-ħin, kien hemm aktar minn inġenju wieħed.
Tħassib minħabba drones fuq sit militari Franċiż
