Edukazzjoni Lokali Parlament

Ġenituri bagħtu t-tfal l-iskola ma jifilħux biex jiggwadanjaw mill-miżura tal-Gvern

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ammetta fil-Parlament li jrid isir assessjar tal-iskema li tħaddmet fl-iskejjel biex tiġi indirizzata l-problema tal-assenteiżmu fl-iskejjel, bil-Ministru jammetti li l-assenteiżmu naqas iżda li dan seta’ jħalli effett fuq id-deċiżjoni tal-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom l-iskejjel anke jekk ikunu ma jfilħux bil-konsegwenza li l-mard fl-iskejjel aktar jinxtered.

Il-Ministru Bartolo qal dan fil-Parlament għal mistoqsijiet supplimentari tad-Deputat Nazzjonalista Michael Gonzi, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kura Primarja.

Il-miżura li daħħal il-Gvern biex jindirizza l-problema tal-assenteiżmu kienet li jagħti somma ta’ flus lil dawk il-familji bi dħul baxx, liema somma tkun relatata mal-attendenza tat-tfal fl-iskejjel.

Il-Ministru Bartolo qal li filwaqt li l-assenteiżmu fl-iskejjel naqas bil-miżura li ttieħdet, minn informazzjoni li taw xi kapijiet ta’ skejjel jirriżulta li kien hemm ġenituri li bagħtu t-tfal ma jifilħux bil-konsegwenzi li din iġġib magħha, iżda ammetta li jkun tajjeb li jsir assessjar tal-effetti ta’ din il-miżura mil-lenti wkoll ta’ tfal li ntbagħtu mill-ġenturi ma jifilħux.