Il-kuntrattur privat li tqabbad mill-Gvern biex iċaqlaq il-monumenti tal-eks Prim Ministri għall-Pjazza ta’ Kastilja, fosthom dak tal-eks Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier, sar il-‘ħaruf tas-sagrifiċċju’ l-ġdid tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Wara l-istorja rrappurtata lbieraħ minn MaltaRightNow.com u mis-sit elettroniku ta’ The Malta Independent, Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal lil The Malta Independent li qed jittieħdu passi kontra l-kuntrattur talli qiegħed il-monument tal-eks Prim Ministru Borg Olivier ‘mgħallaq’ f’garaxx.
Ritratti ppubblikati lbieraħ urew li l-monument tal-eks Prim Ministru u Missier Malta Indipendenti tħalla qisu ‘mgħallaq’ f’garaxx ta’ Dipartiment li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fir-ritratti tidher ukoll karozza pparkjata kważi tmiss mal-monument (ritratt fuq).
Madankollu, għadu mhux magħruf għaliex l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed jieħu l-passi kontra l-kuntrattur, meta l-monument tqiegħed f’garaxx li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru stess.
Għaldaqstant, dan il-kuntrattur jidħol fil-lista ta’ persuni li l-Gvern immexxi minn Joseph Muscat għamel bħala ‘ħaruf tas-sagrifiċċju’ għal deċiżjonijiet żbaljati meħuda mill-Gvern stess.
//= $special ?>