Lokali Qorti

Ikompli l-każ dwar kumpens finanzjarju fuq abbuż sesswali minn saċerdoti

L-Imħallef Micallef se jkompli jisma’ l-każ wara li ma laqax it-talba tad-difiża

L-Imħallef Joseph R. Micallef ma laqax it-talba li għamlu l-Avukati ta’ 11-il vittma ta’ abbuż sesswali biex il-każ ma jkomplix jisimgħu hu peress li huwa President ta’ stazzjon Kattoliku, Radju Marija. L-Imħallef Micallef qal li mhemmx raġunijiet biżżejjed skont il-liġi biex il-każ jgħaddi għand ġudikant ieħor u għalhekk hu se jkompli jisma’ l-każ.

L-istess Imħallef qed jippresiedi l-każ ta’ kumpens finanzjarju fil-konfront tal-vittmi fejn dawn bdew proċeduri ċivili kontra żewġ saċerdoti tas-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl u l-Knisja. Fir-rikors li għamlu l-Avukati Patrick Valentino u Franco Vassallo f’isem il-vittmi, kienu qalu li kull ċittadin għandu d-dritt li jkollu moħħu mistrieħ u li l-każ jinstema’ u jiġi aġġudikat minn Imħallef Indipendenti.

Il-każ għal kumpens kien beda f’Ottubru tal-2013 wara li l-ex saċerdoti Godwin Scerri ta’ 77 sena u Charles Pulis ta’ 68 sena kienu nstabu ħatja u marru ħames snin u sitt snin ħabs rispettivament wara li abbużaw minn 11-il tifel li kienu fil-kura tagħhom f’dar San Ġużepp f’Santa Venera fis-snin 80 u 90.
Kien fit-22 ta’ Awwissu tal-2011, li s-saċerdoti kienu kundannati 11-il sena ħabs bejniethom mill-Maġistrat Saviour Demicoli, wara li nstabu ħatja li abbużaw mis-subien meta kienu fil-kustodja tagħhom waqt li kienu jgħixu f’Dar San Ġużepp li tinsab Santa Venera. Il-Qorti tal-Appell kienet ikkonfermat is-sentenza prattikament fil-massimu tagħha. Oriġinarjament kienu tliet saċerdoti u fra li kienu tressqu l-Qorti fl-2003, dwar dawn il-każijiet, imma wieħed minnhom laħaq miet waqt li l-ieħor kien hemm rapporti li dan kien telaq minn Malta.

Carmelo Pulis kien mar sitt snin ħabs wara li nstab ħati ta’ korruzzjoni ta’ minorenni f’disa’ okkażjonijiet. Tmien reati kienu seħħew f’Dar San Ġużepp, il-każ l-ieħor kien seħħ l-Marfa. Godwin Scerri kien mar ħames snin ħabs fuq akkużi simili, talli kkorrompa lil minorenni f’żewġ okkażjonijiet.

Għal knisja qegħdin jidhru l-Avukati Dominic Cassar u Joe Brincat.